Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna

Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna

Għażiż seħibna fit-​twemmin:

Bħalma taf, il-​Bibbja, fil-​biċċa l-​kbira, hi ktieb dwar in-​nies. Ħafna minnhom kienu rġiel u nisa leali li ffaċċjaw sfidi simili għal tagħna. Huma kellhom “sentimenti bħal tagħna.” (Ġakbu 5:17) Xi wħud ħassewhom imtaqqlin bl-​inkwiet u l-​ansjetà. Oħrajn ġew imweġġgħin bil-​kbir minn membri tal-​familja tagħhom jew aduraturi sħabhom. Barra minn hekk, diversi wħud ħassewhom imnikktin ferm minħabba l-​iżbalji tagħhom stess.

Kienu dawn l-​individwi telqu lil Ġeħova għalkollox? Le. Ħafna minnhom kienu bħas-​salmista li talab: “Iġġerrejt [jew, tbegħedt] bħal nagħġa mitlufa. Fittex lill-​qaddej tiegħek, għax jien ma nsejthomx il-​kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:176) Int ġieli ħassejtek hekk?

Ġeħova qatt ma jinsa lill-​aduraturi tiegħu li jitbiegħdu mill-​merħla. Għall-​kuntrarju, hu jipprova jilħqilhom qalbhom—u spiss dan jagħmlu permezz tal-​aduraturi sħabhom. Pereżempju, aħseb dwar kif Ġeħova għen lill-​qaddej tiegħu Ġob, li għadda minn diversi gwajijiet—inkluż telf finanzjarju, il-​mewt taʼ wħud għeżież, u problema serja taʼ saħħa. Ġob issaporta wkoll kliem li jweġġaʼ mingħand dawk li suppost kienu hemm biex jappoġġawh. Imma hu qatt ma ta dahru lil Ġeħova, għalkemm għal xi żmien żvija fi ħsibijietu. (Ġob 1:22; 2:10) Ġeħova kif għen lil Ġob jerġaʼ jkollu ħarsa bilanċjata?

Mod wieħed kif Ġeħova għen lil Ġob kien permezz taʼ Eliħu, sieħbu fit-​twemmin. Meta Ġob esprima dak li kien qed jinkwetah, Eliħu l-​ewwel qagħad jisimgħu u wara tkellem miegħu. Imma x’kien se jgħid? Kien hu se jikkritika lil Ġob jew jipprova jimmotivah billi jġiegħlu jistħi jew iħossu ħati? Kien Eliħu jqis lilu nnifsu superjuri għal Ġob? Xejn minn dan! Imqanqal mill-​ispirtu t’Alla, Eliħu qal: “Jien bħalek quddiem l-​Alla l-​veru; jien ukoll mit-​tafal kont imsawwar.” Imbagħad hu jiżgura lil Ġob: “M’hemmx biżaʼ fija li jwerwrek, u l-​pressjoni li nagħmillek ma tkunx tqila fuqek.” (Ġob 33:6, 7) Eliħu ma kompliex iżid mal-​problemi li kellu Ġob, imma bi mħabba tah il-​pariri u l-​inkuraġġiment li kellu bżonn.

Jekk jogħġbok kun af li aħna ħejjejna dan il-​browxer bl-​istess manjiera. L-​ewwel qgħadna nisimgħu, billi kkunsidrajna bir-​reqqa ċ-​ċirkustanzi taʼ diversi wħud li tbiegħdu mill-​kongregazzjoni u l-​mod kif esprimew ruħhom. (Proverbji 18:13) Imbagħad, fittixna fl-​Iskrittura, billi bit-​talb eżaminajna rakkonti dwar kif Ġeħova għen lill-​qaddejja tiegħu fil-​passat meta ffaċċjaw ċirkustanzi simili. Fl-​aħħar, użajna dawn ir-​rakkonti Skritturali flimkien maʼ esperjenzi taʼ żmienna biex nagħmlu dan il-​browxer. Inħeġġuk tistudja din il-​pubblikazzjoni. Jekk jogħġbok kun ċert li aħna nħobbuk mill-​qalb.

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova