Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU ĦMISTAX

Iddefendiet lill-Poplu t’Alla

Iddefendiet lill-Poplu t’Alla

1-3. (a) Ester għala setgħet ħassitha beżgħana dwar il-​prospett li tavviċina lil żewġha? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu dwar Ester?

ESTER ipprovat tikkalma lilha nfisha hekk kif resqet lejn il-​bitħa tal-​palazz f’Susan. Ma kinitx xi ħaġa faċli. Il-​kastell kien imżejjen biex inissel stagħġib—skulturi mnaqqxin taʼ barrin bil-​ġwienaħ, arċieri, u ljuni magħmulin mill-​briks u miksijin b’lostru kulurit, u kellu kolonni tal-​ġebel skanalat u statwi impressjonanti. Kien jinsab fuq pjattaformi kbar ħdejn il-​Muntanji Zagros miksijin bis-​silġ u kien jagħti għal fuq l-​ilmijiet puri tax-​Xmara Choaspes. Dan kollu kien intenzjonat li jfakkar lil kull viżitatur fil-​qawwa immensa tar-​raġel li Ester kienet sejra tara, dak li sejjaħ lilu nnifsu “s-​sultan il-​kbir.” Kien ukoll żewġha.

2 Żewġha? Kemm kien differenti Aħasweru mit-​tip taʼ raġel li kwalunkwe tfajla Lhudija leali għandha mnejn stenniet! * Dan ma imitax eżempji bħal t’Abraham, raġel li bl-​umiltà aċċetta d-​direzzjoni t’Alla biex jismaʼ minn martu, Sara. (Ġen. 21:12) Is-​sultan ftit li xejn kien jaf dwar l-​Alla taʼ Ester, Ġeħova, jew dwar il-​Liġi Tiegħu. Iżda Aħasweru kien jafha sew il-​liġi Persjana, inkluż il-​liġi li kienet tipprojbixxi l-​istess ħaġa li Ester kienet sejra tagħmel. Din x’kienet? Il-​liġi kienet tgħid li kull min kien jidher quddiem il-​monarka Persjan mingħajr ma jsejjaħlu s-​sultan kien ikun ħaqqu l-​mewt. Ester ma kinitx ġiet imsejħa, imma xorta waħda kienet sejra għand is-​sultan. Hekk kif qorbot lejn il-​bitħa taʼ ġewwa, fejn setgħet tidher mit-​tron tas-​sultan, għandha mnejn ħassitha riesqa lejn mewtha.—Aqra Ester 4:11; 5:1.

3 Għala ħadet riskju bħal dan? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi taʼ din il-​mara rimarkevoli? L-​ewwel, ejja naraw kif Ester spiċċat f’din il-​pożizzjoni mhix komuni bħala sultana fil-​Persja.

L-​Isfond taʼ Ester

4. X’kien l-​isfond taʼ Ester, u kif spiċċat tgħix maʼ kuġinuha Mordekaj?

4 Ester kienet orfni. Ftit li xejn nafu dwar il-​ġenituri li semmewha Ħadassa, kelma Ebrajka għal “riħana,” pjanta sabiħa li tagħmel fjuri bojod. Meta mietu l-​ġenituri taʼ Ester, wieħed mill-​qraba tagħha, raġel qalbu tajba jismu Mordekaj, ġietu ħniena minnha. Kien kuġinuha, imma Mordekaj kien ħafna akbar minnha. Lil Ester ħadha f’daru u ttrattaha daqslikieku kienet bintu.—Est. 2:5-​7, 15.

Mordekaj kellu raġuni tajba biex ikun kburi bit-tifla adottata tiegħu

5, 6. (a) Mordekaj kif rabbieha lil Ester? (b) X’tip taʼ ħajja gawdew Ester u Mordekaj f’Susan?

5 Mordekaj u Ester għexu bħala eżiljati Lhud f’dik il-​belt kapitali Persjana, fejn x’aktarx li kellhom jiffaċċjaw ċerta stmerrija minħabba r-​reliġjon tagħhom u l-​Liġi li pprovaw isegwu. Imma Ester ċertament li resqet eqreb lejn kuġinuha hekk kif għallimha dwar Ġeħova, l-​Alla taʼ ħniena li kien ħeles lill-​poplu Tiegħu mill-​inkwiet bosta drabi fil-​passat—u kien se jerġaʼ jeħilsu. (Lev. 26:44, 45) B’mod ċar, bejn Ester u Mordekaj żviluppat rabta taʼ mħabba u lealtà.

6 Milli jidher, Mordekaj kien jaħdem bħala tip taʼ uffiċjal fil-​palazz f’Susan, u spiss kien ikun bilqiegħda f’bieb il-​palazz, flimkien maʼ qaddejja oħrajn tas-​sultan. (Est. 2:19, 21; 3:3) Ma nafux kif it-​tfajla Ester kienet tqattaʼ l-​ħin tagħha hi u tikber, għalkemm nistgħu ngħidu li ħadet ħsieb kuġinuha, li kien akbar minnha, u daru, li x’aktarx kienet dar żgħira fin-​naħa tal-​belt li kienet iktar fqira, in-​naħa l-​oħra tax-​xmara mill-​palazz irjali. Forsi kienet tieħu gost tmur is-​suq f’Susan, fejn arġentieri tad-​deheb u tal-​fidda, u merkanti oħrajn kienu jbigħu l-​prodotti tagħhom. Ester żgur li m’għaddilhiex minn moħħha li dawn l-​affarijiet lussużi kellhom isiru affarijiet normali għaliha fil-​futur; ma kellhiex idea dwar dak li kien hemm jistennieha.

“Wiċċha Ħelu”

7. Vasti għala tneħħiet mill-​kariga tagħha bħala sultana, u x’kien ir-​riżultat?

7 Ġurnata minnhom, f’Susan qamet għagħa għax kulħadd kien qed jitkellem dwar l-​inkwiet li kien inqalaʼ fid-​dar tas-​sultan. F’festa kbira, li fiha Aħasweru pprovda ikel u nbid tajjeb għall-​irġiel nobbli tiegħu, is-​sultan iddeċieda li jsejjaħ lis-​sultana sabiħa tiegħu, Vasti, li wkoll kienet għamlet ikla kbira għan-​nisa. Imma Vasti rrifjutat li tmur. Umiljat u rrabjat ħafna, is-​sultan staqsa lill-​konsulenti tiegħu kif għandu jikkastiga lil Vasti. X’kien ir-​riżultat? Hi tneħħiet mill-​kariga tagħha bħala sultana. Imbagħad il-​qaddejja tas-​sultan bdew ifittxu tfajliet verġni li kienu sbieħ madwar l-​art kollha; minn fosthom is-​sultan kien se jagħżel sultana ġdida.—Est. 1:1–2:4.

8. (a) Mordekaj għala setaʼ ħassu xi ftit imħasseb dwar Ester hi u tikber? (b) Kif taħseb li nistgħu napplikaw il-​ħarsa bilanċjata tal-​Bibbja dwar is-​sbuħija fiżika? (Ara wkoll Proverbji 31:30.)

8 Nistgħu nimmaġinaw lil Mordekaj minn żmien għal żmien iħares b’affezzjoni lejn Ester u jinnota, bejn bi kburija u bejn bi tħassib, li l-​kuġina ż-​żgħira tiegħu kienet kibret—u kienet saret sabiħa ħafna. Naqraw: “It-​tfajla kienet sabiħa f’suritha u wiċċha ħelu.” (Est. 2:7) Il-​Bibbja tpinġi stampa bilanċjata tas-​sbuħija fiżika—hi pjaċevoli, imma trid tkun marbuta mal-​għerf u l-​umiltà. Inkella, tistaʼ tnissel il-​vanità, il-​kburija, u kwalitajiet koroh oħrajn. (Aqra Proverbji 11:22.) Qatt rajt dan jiġri? Fil-​każ taʼ Ester, is-​sbuħija x’kienet se tkun—t’għajnuna jew taʼ xkiel? Iż-​żmien kellu jagħti parir.

9. (a) X’ġara meta l-​qaddejja tas-​sultan innotaw lil Ester, u għala nistgħu nkunu ċerti li l-​firda minn Mordekaj kienet diffiċli għaliha? (b) Mordekaj għala ħalla lil Ester tiżżewweġ lil xi ħadd pagan li ma kienx tal-​istess twemmin? (Inkludi l-kaxxa.)

9 Il-​qaddejja tas-​sultan innotaw lil Ester. Fit-​tfittxija tagħhom firduha minn Mordekaj u ħaduha fil-​palazz grandjuż in-​naħa l-​oħra tax-​xmara. (Est. 2:8) Żgur li l-​firda kienet diffiċli għalihom it-​tnejn, għax kienu bħal missier u bint. Mordekaj ċertament li ma riedx li t-​tifla adottata tiegħu tiżżewweġ lil xi ħadd li ma kellux l-​istess twemmin, anki jekk kien sultan, imma ma kellux kontroll fuq is-​sitwazzjoni. * Min jaf kemm Ester semgħet b’attenzjoni l-​pariri taʼ Mordekaj qabel ma firduhom! Hekk kif ittieħdet lejn il-​kastell taʼ Susan, moħħha kien mimli mistoqsijiet. X’tip taʼ ħajja kien se jkollha?

Intgħoġbot “Minn Kulmin Kien Jaraha”

10, 11. (a) L-​ambjent il-​ġdid taʼ Ester kif setaʼ effettwaha faċilment? (b) Mordekaj kif wera li kien konċernat dwar Ester?

10 Ester sabet ruħha f’dinja li kienet ġdida għalkollox u stramba għaliha. Kienet fost “ħafna tfajliet” li kienu nġabru minn ħafna postijiet fl-​Imperu Persjan. Id-​drawwiet, il-​lingwi, u l-​attitudnijiet tagħhom żgur li kienu jvarjaw ħafna. It-​tfajliet ġew fdati f’idejn uffiċjal jismu Ħegaj, u kellu jsirilhom trattament estensiv taʼ sbuħija—programm taʼ sena sħiħa li kien jinkludi massaġġi bi żjut ifuħu. (Est. 2:8, 12) Ambjent u mod taʼ ħajja bħal dan faċilment setgħu jġiegħlu lil dawn it-​tfajliet isiru ossessjonati bid-​dehra persunali tagħhom, kif ukoll vanitużi u kompetittivi. Ester kif ġiet effettwata?

11 Ħadd ma setaʼ kien iktar konċernat dwar Ester milli kien Mordekaj. Naqraw li jum wara l-​ieħor kien imur kemm jistaʼ jkun viċin id-​dar tan-​nisa u jipprova jitkixxef kif kienet Ester. (Est. 2:11) Hekk kif semaʼ xi tagħrif dwarha, forsi mingħand qaddejja fid-​dar li kienu lesti jikkooperaw miegħu, hu żgur li ħassu kburi ħafna biha. Għala?

12, 13. (a) Ester x’impressjoni ħalliet fuq dawk taʼ madwarha? (b) Mordekaj għala ħa pjaċir li Ester ma kinitx tkellmet dwar il-​wirt Lhudi tagħha?

12 Ester tant impressjonat lil Ħegaj li ttrattaha b’qalb tajba bl-​imħabba kbira, u taha sebaʼ tfajliet biex ikunu qaddejja tagħha u l-​aqwa post fid-​dar tan-​nisa. Ir-​rakkont saħansitra jgħid: “Sadanittant Ester baqgħet tingħoġob minn kulmin kien jaraha.” (Est. 2:9, 15) Kienet is-​sbuħija waħedha se timpressjona lil kulħadd b’mod daqstant profond? Le, Ester ma kinitx biss sabiħa fl-​għajn.

Ester kienet taf li l-umiltà u l-għerf kienu ħafna iktar importanti mid-dehra fiżika

13 Pereżempju, naqraw: “Ester ma kienet qalet xejn dwar il-​poplu tagħha u qrabatha, għax Mordekaj stess kien ikkmandaha biex ma titkellimx.” (Est. 2:10) Mordekaj kien wissa lit-​tfajla biex tkun diskreta dwar il-​wirt Lhudi tagħha; bla dubju ra li fost il-​membri rjali Persjani kien hemm ħafna preġudizzju kontra l-​poplu tiegħu. Kemm feraħ Mordekaj meta sar jaf li issa, avolja Ester ma kinitx miegħu, xorta waħda wriet l-​istess spirtu għaqli u ubbidjenti!

14. Iż-​żgħażagħ illum kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Ester?

14 Iż-​żgħażagħ illum jistgħu bl-​istess mod iferrħu qalb il-​ġenituri jew lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Meta l-​ġenituri tagħhom ma jkunux qed jarawhom—anki jekk ikunu mdawrin b’nies li huma superfiċjali, immorali, jew kattivi—jistgħu jirreżistu influwenzi ħżiena u jżommu mal-​livelli li jafu li huma sewwa. Meta jagħmlu hekk, bħal Ester, iferrħu qalb Missierhom tas-​sema.—Aqra Proverbji 27:11.

15, 16. (a) Ester kif rebħet l-​imħabba tas-​sultan? (b) Liema bidliet fil-​ħajja taʼ Ester setgħu kienu taʼ sfida għaliha?

15 Meta wasal il-​waqt biex Ester tittieħed quddiem is-​sultan, ngħatat l-​opportunità tagħżel kwalunkwe ħaġa li ħasbet li setaʼ kellha bżonn, forsi biex tkompli ssebbaħ lilha nfisha. Però, bil-​modestja ma talbet xejn ħlief dak li semmielha Ħegaj. (Est. 2:15) Probabbilment intebħet li s-​sbuħija waħedha ma kinitx se tirbaħ qalb is-​sultan; iktar kien se jispikka spirtu modest u umli f’dak il-​palazz. Sewwa ħasbet?

16 Ir-​rakkont iwieġeb: “Is-​sultan sar iħobb lil Ester iżjed min-​nisa l-​oħrajn kollha, u b’hekk inġibed lejha u wrieha qalb tajba bl-​imħabba iktar mill-​verġni l-​oħrajn kollha. U hu poġġa l-​velu rjali fuq rasha u għamilha sultana minflok Vasti.” (Est. 2:17) Bilfors li ma kienx faċli għal din it-​tfajla Lhudija umli biex tidra din il-​bidla f’ħajjitha—kienet is-​sultana l-​ġdida, mart l-​iktar monarka setgħan fuq l-​art dak iż-​żmien! Kibritilha rasha minħabba l-​pożizzjoni l-​ġdida tagħha? ’Il bogħod minn hekk!

17. (a) Ester b’liema modi baqgħet ubbidjenti lejn missierha adottiv? (b) L-​eżempju taʼ Ester għala hu importanti għalina llum?

17 Ester baqgħet tobdi lill-​missier adottiv tagħha, Mordekaj. Ir-​rabta tagħha man-​nies Lhud żammitha sigrieta. Iżjed minn hekk, meta Mordekaj sar jaf bi pjan biex Aħasweru jiġi assassinat, Ester b’ubbidjenza qalet lis-​sultan bit-​twissija tiegħu, u dawk li kienu fasslu l-​pjan inqabdu. (Est. 2:20-​23) Xorta waħda hi wriet il-​fidi f’Alla tagħha billi wriet spirtu umli u ubbidjenti. Kemm għandna bżonn nimitaw l-​eżempju taʼ Ester fid-​dinja tal-​lum fejn l-​ubbidjenza ma tantx titqies bħala virtù u fejn id-​diżubbidjenza u r-​ribelljoni huma komuni! Imma nies taʼ fidi ġenwina jgħożżu l-​ubbidjenza, kif kienet tagħmel Ester.

Il-​Fidi taʼ Ester Tgħaddi Minn Prova

18. (a) Mordekaj għala għandu mnejn irrifjuta li jmil quddiem Ħaman? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Illum il-​ġurnata, irġiel u nisa taʼ fidi kif jimitaw l-​eżempju taʼ Mordekaj?

18 Raġel jismu Ħaman kiseb il-​prominenza fil-​palazz taʼ Aħasweru. Is-​sultan ħatru bħala l-​prim ministru, u b’hekk għamlu l-​konsulent ewlieni tiegħu u t-​tieni l-​akbar persuna fl-​imperu. Is-​sultan saħansitra ħareġ digriet li kull min jara lil dan l-​uffiċjal għandu jmil quddiemu. (Est. 3:1-​4) Din il-​liġi kienet problema għal Mordekaj. Hu kien jemmen li kellu jobdi lis-​sultan imma mhux jekk dan kien ifisser li kien se juri nuqqas taʼ rispett lejn Alla. Ħaman kien Agagi. Dan milli jidher ifisser li kien dixxendent t’Agag, is-​sultan Għamaleki li nqatel minn Samwel, il-​profeta t’Alla. (1 Sam. 15:33) L-​Għamalekin tant kienu mill-​agħar li għamlu lilhom infushom għedewwa taʼ Ġeħova u taʼ Iżrael. Bħala poplu, l-​Għamalekin kienu kundannati minn Alla. * (Dt. 25:19) Lhudi leali kif setaʼ jmil quddiem Għamaleki? Mordekaj ma setax. Hu ma mielx quddiemu. Sal-​ġurnata tal-​lum, irġiel u nisa taʼ fidi ssograw ħajjithom biex iżommu maʼ dan il-​prinċipju: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.”—Atti 5:29.

19. Ħaman x’ried jagħmel, u x’għamel biex jipperswadi lis-​sultan?

19 Ħaman kien inkorlat. Imma ma kienx biżżejjed għalih li jsib mod kif joqtol lil Mordekaj. Hu ried jeqred lill-​poplu kollu taʼ Mordekaj! Ħaman ipperswada lis-​sultan billi tefaʼ dell ikrah fuq il-​Lhud. Mingħajr ma semmiehom b’isimhom, hu ta x’jifhem li ma kienu jiswew għal xejn, poplu “mxerred u separat fost il-​popli.” Saħansitra agħar minn hekk, hu qal li ma kinux jobdu l-​liġijiet tas-​sultan; għaldaqstant kienu ribelli perikolużi. Hu offra li jagħti kemxa flus ġmielha lit-​teżorerija tas-​sultan biex tkopri l-​ispejjeż tal-​qtil tal-​Lhud kollha fl-​imperu. * Aħasweru ta lil Ħaman iċ-​ċurkett tas-​siġill tas-​sultan innifsu biex jissiġilla kwalunkwe ordni li kellu f’moħħu.—Est. 3:5-​10.

20, 21. (a) Il-​proklamazzjoni taʼ Ħaman x’effett kellha fuq il-​Lhud fl-​Imperu Persjan, inkluż Mordekaj? (b) Mordekaj x’talabha bil-​ħrara biex tagħmel lil Ester?

20 Fi żmien qasir, xi messaġġiera kienu għaddejjin bil-​ħeffa fuq iż-​żwiemel sejrin f’kull rokna tal-​imperu vast biex iwasslu dak li bażikament kien sentenza tal-​mewt lin-​nies Lhud. Immaġina l-​impatt taʼ din il-​proklamazzjoni meta waslet f’Ġerusalemm li kienet ’il bogħod. Hemmhekk kien hemm fdal Lhudi li kien mar lura mill-​eżilju f’Babilonja u li kien qed jitħabat biex jerġaʼ jibni belt li kien għad ma kellhiex sur biex jiddefendiha. Forsi Mordekaj ħaseb fih, kif ukoll fi sħabu u qrabatu stess f’Susan, meta semaʼ bl-​aħbar terribbli. Imnikket għall-​aħħar, ċarrat ħwejġu, libes ilbies magħmul mill-​ixkora u tefaʼ l-​irmied fuq rasu, u beda jgħajjat għajjat kbir f’nofs il-​belt. Madankollu, Ħaman qagħad jixrob mas-​sultan, u xejn ma ddispjaċieh għan-​niket li kien ikkaġuna fost il-​ħafna Lhud u l-​ħbieb tagħhom f’Susan.—Aqra Ester 3:12–4:1.

21 Mordekaj kien jaf li ma setax joqgħod b’idejh fuq żaqqu. Imma x’setaʼ jagħmel? Ester semgħet bl-​għali tiegħu u bagħtitlu xi ħwejjeġ, imma Mordekaj ma riedx jitfarraġ. Forsi kien ilu jaħseb għala Alla tiegħu, Ġeħova, kien ħalla lill-​għażiża Ester tittiħidlu u ssir is-​sultana taʼ ħakkiem pagan. Issa r-​raġuni donnha kienet qed tfiġġ. Mordekaj bagħat messaġġ lis-​sultana, u fih talab lil Ester bil-​ħrara biex tmur quddiem is-​sultan ħalli tiddefendi lill-​“poplu tagħha.”—Est. 4:4-​8.

22. Ester għala beżgħet tidher quddiem żewġha s-​sultan? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

22 Ester bilfors li ħasset qtigħ il-​qalb meta semgħet il-​messaġġ. Din kienet l-​akbar prova tal-​fidi tagħha. Ħassitha mbeżżgħa, kif uriet b’mod ċar fir-​risposta tagħha lil Mordekaj. Fakkritu fil-​liġi tas-​sultan. Jekk xi ħadd kien jidher quddiem is-​sultan mingħajr ma jkun sejjaħlu kien jingħata s-​sentenza tal-​mewt. Kien biss jekk is-​sultan imidd ix-​xettru tad-​deheb tiegħu li l-​ħati kien jinħeles. U Ester, kellha xi raġuni għala setgħet tistenna li tintwera ħniena bħal din, speċjalment meta tqis dak li ġara lil Vasti meta kienet irrifjutat il-​kmand tas-​sultan biex tmur quddiemu? Ester qalet lil Mordekaj li s-​sultan kien ilu 30 jum ma jistidinha tmur ħdejh! Ladarba kien ilu żmien twil ma jsejħilha, bir-​raġun setgħet iddubitat jekk kienx għad kellha l-​favur tas-​sultan li kien qisu pinnur. *Est. 4:9-​11.

23. (a) Mordekaj x’qal biex isaħħaħ il-​fidi taʼ Ester? (b) Mordekaj għala jistħoqqlu jiġi imitat?

23 Mordekaj wieġeb b’mod sod biex lil Ester isaħħilha l-​fidi. Hu assiguraha li jekk ma tiħux azzjoni hi, il-​Lhud kienu se jiksbu salvazzjoni minn sors ieħor. Imma kif setgħet tistenna li tinħeles meta l-​persekuzzjoni kienet se tiħrax? Hawnhekk Mordekaj wera l-​fidi kbira tiegħu f’Ġeħova, li qatt ma kien se jħalli lill-​poplu Tiegħu jinqered għalkollox u l-​wegħdi Tiegħu ma jitwettqux. (Ġoż. 23:14) Imbagħad Mordekaj staqsa lil Ester: “Min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?” (Est. 4:12-​14) Ma taqbilx int li Mordekaj jistħoqqlu jiġi imitat? Kellu fiduċja sħiħa f’Alla tiegħu, Ġeħova. Xi ngħidu għalina?—Prov. 3:5, 6.

Fidi Iktar b’Saħħitha mill-​Biżaʼ mill-​Mewt

24. Ester kif uriet il-​fidi u l-​kuraġġ?

24 Għal Ester kien wasal il-​mument biex tieħu deċiżjoni. Staqsiet lil Mordekaj biex jgħid lil-​Lhud ħalli jsumu magħha għal tlett ijiem, u temmet il-​messaġġ tagħha bi stqarrija sempliċi taʼ fidi u kuraġġ li dwiet tul is-​sekli: “Fil-​każ li għandi mmut, immut.” (Est. 4:15-​17) Żgur li f’ħajjitha qatt ma kienet talbet b’daqstant ħerqa daqskemm talbet f’dawk it-​tlett ijiem. Però, fl-​aħħar kien wasal il-​waqt. Libset l-​isbaħ ilbies irjali tagħha ħalli tagħmel l-​almu tagħha biex togħġob lis-​sultan. Imbagħad marret.

Ester issograt ħajjitha biex tipproteġi lill-poplu t’Alla

25. Iddeskrivi kif żvolġew l-​affarijiet hekk kif Ester dehret quddiem żewġha.

25 Bħalma ġie deskritt fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu, Ester resqet lejn il-​palazz tas-​sultan. Nistgħu biss nimmaġinaw il-​ħsibijiet taʼ ansjetà u t-​talb bil-​ħrara li kienu għaddejjin minn moħħha u qalbha. Ħarġet fil-​bitħa, minn fejn setgħet tara lil Aħasweru fuq it-​tron tiegħu. Forsi pprovat taqra l-​espressjoni taʼ wiċċu. Jekk kellha tistenna, żgur li l-​ħin ratu eternità. Imma l-​mument għadda—żewġha raha. Veru, ma kienx qed jistennieha, imma l-​espressjoni tiegħu rtabet. Medd ix-​xettru tad-​deheb tiegħu!—Est. 5:1, 2.

26. Il-​Kristjani veri għala jeħtieġu kuraġġ bħal taʼ Ester, u għala nistgħu ngħidu li xogħolha kien għadu jibda?

26 Ester kien irnexxielha tidher quddiem is-​sultan. Kienet ħadet waqfa għal Alla tagħha u għall-​poplu tagħha, u b’hekk ħalliet eżempju taʼ fidi mill-​isbaħ għall-​qaddejja kollha t’Alla tul iż-​żminijiet. Il-​Kristjani veri llum jgħożżu eżempji bħal dawn. Ġesù qal li s-​segwaċi veri tiegħu kellhom ikunu identifikati mill-​imħabba mhix egoistika. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Spiss ikun meħtieġ kuraġġ bħal taʼ Ester biex turi mħabba bħal din. Imma anki wara li Ester iddefendiet lin-​nies t’Alla dakinhar, xogħolha kien għadu jibda. Kif kienet se tikkonvinċi lis-​sultan li l-​kunsillier favorit tiegħu, Ħaman, kien qed jagħmel konfoffa mill-​agħar? Kif setgħet tgħin biex issalva lil niesha? Se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet fil-​kapitlu li jmiss.

^ par. 2 Hu mifhum minn ħafna li Aħasweru hu Serse I, li ħakem fuq l-​Imperu Persjan kmieni fil-​ħames seklu Q.E.K.

^ par. 9 Ara l-​kaxxa “Mistoqsijiet Dwar Ester,” f’Kapitlu 16.

^ par. 18 Ħaman għandu mnejn kien fost l-​aħħar ftit Għamalekin, ladarba l-​“fdal” tagħhom kien inqered lura fi żmien is-​Sultan Ħeżekija.—1 Kron. 4:43.

^ par. 19 Ħaman offra 10,000 talent tal-​fidda, li llum jiswew mijiet taʼ miljuni taʼ ewro. Jekk Aħasweru kien Serse I, il-​flus għandhom mnejn għamlu l-​offerta taʼ Ħaman saħansitra iktar attraenti. Serse kien tilef fortuna kbira fil-​gwerra diżastruża tiegħu kontra l-​Griegi, milli jidher qabel ma żżewweġ lil Ester.

^ par. 22 Serse I kien magħruf li jbiddel ħsiebu u li jitilgħulu. L-​istorjografu Grieg Erodotu niżżel bil-​miktub xi eżempji mill-​gwerra taʼ Serse kontra l-​Greċja. Is-​sultan ordna li jinbena pont fuq l-​istrett tal-​Ellespont. Meta l-​pont iġġarraf minħabba maltempata, Serse ordna li l-​inġiniera tinqatgħalhom rashom u saħansitra qabbad lill-​irġiel tiegħu “jikkastigaw” lill-​Ellespont billi jsawtu l-​ilma bil-​frosta filwaqt li nqrat b’leħen għoli proklamazzjoni insolenti. Fl-​istess kampanja, meta raġel għani talab bil-​ħrara biex ibnu jiġi skużat milli jingħaqad mal-​armata, Serse ordna li l-​iben jinqasam fi tnejn, u mbagħad ġismu jitqiegħed fejn jidher bħala twissija.