Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Is-smewwiet

Is-smewwiet

Is-suġġett tas-smewwiet hu taʼ kontroversja taħraq u li dwaru hemm ħafna opinjonijiet differenti. Madankollu, dak li tgħallem dwarhom il-Bibbja hu differenti ferm minn dak li ħafna ġew mgħallmin.

X’inhuma s-smewwiet?

DAK LI JGĦIDU XI NIES

Hemm twemmin differenti dwar is-smewwiet u l-iskop tagħhom. Pereżempju:

  • Ħafna li jgħidu li huma Kristjani jaqblu man-New Catholic Encyclopedia, li ssejjaħ is-smewwiet “l-aħħar post fejn jgħixu dawk imberkin li jmutu fil-Mulej.”

  • Il-Ġudaiżmu jiffoka fuq il-ħajja preżenti iżjed milli fuq l-ħajja wara l-mewt, jgħid ir-Rabbi Bentzion Kravitz. Imma jgħid ukoll li “fis-smewwiet, ir-ruħ tesperjenza l-ikbar pjaċir possibbli—fehma ikbar u tħossha eqreb taʼ Alla milli kienet qabel.” Però, Kravitz jammetti li “għalkemm il-Ġudaiżmu jemmen fis-smewwiet, it-Tora ftit li xejn jitkellem dwarhom.”

  • Il-Ħindu u l-Buddiżmu jemmnu li s-smewwiet jeżistu fuq ħafna livelli spiritwali differenti. Iservu taʼ waqfa temporanja li warajhom, persuna jew terġaʼ titwieled fuq l-art jew inkella titlaʼ n-Nirvana—stat ogħla mis-smewwiet.

  • Xi wħud ma jaċċettaw l-ebda idea reliġjuża dwar is-smewwiet u jgħidu li l-idea kollha hi bluha.

Is-smewwiet hu suġġett li dwaru hemm ħafna opinjonijiet differenti

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

Fil-Bibbja, il-kelma “smewwiet” għandha iżjed minn tifsira waħda. Pereżempju:

  • Ġenesi 1:20 jiddeskrivi l-ħolqien tal-għasafar li “jtiru ’l fuq mill-art f’wiċċ il-firxa tas-smewwiet.” F’dan il-każ, il-kelma “smewwiet” tirreferi għall-atmosfera tagħna, is-sema li naraw.

  • Isaija 13:10 jsemmi “l-kwiekeb tas-smewwiet u l-kostellazzjonijiet tagħhom”—dak li aħna nsejħulu l-ispazju.

  • Il-Bibbja titkellem dwar ‘il-post fejn jgħammar [Alla], fis-smewwiet’ u tgħid li hemm “l-anġli . . . fis-sema.” (1 Slaten 8:30; Mattew 18:10) Innota li l-kelmiet “smewwiet” u “sema” mhumiex sempliċi metafori, imma jiddeskrivu post fejn dawn jgħammru. *

“Ħares mis-sema u ttawwal mill-post eżaltat fejn toqgħod taʼ qdusija u sbuħija.”Isaija 63:15.

In-nies tajbin kollha jitilgħu s-sema meta jmutu?

Il-Bibbja ma tgħallimx li l-art hi sempliċement dar temporanja fejn nistennew il-mewt u mbagħad ħajja wara l-mewt fis-sema. Il-Bibbja tagħmilha ċara li l-mewt qatt ma kienet parti mill-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin. Ikkunsidra:

  • Alla qal lill-ewwel koppja: “Nisslu u oktru u imlew l-art.” (Ġenesi 1:28) L-art kellha tkun id-dar permanenti tal-bnedmin fejn setgħu jgħixu għal dejjem. Il-mewt kienet se tiġi fuq l-ewwel raġel u mara biss kieku m’obdewx lil Alla. B’sogħba, għażlu li ma jobdux.—Ġenesi 2:17; 3:6.

  • Id-diżubbidjenza tal-ewwel raġel wasslet għall-mewt, mhux biss tiegħu u taʼ martu, imma wkoll taʼ nisilhom. (Rumani 5:12) Dan ħallieha bla tama lill-umanità?

  • Il-Bibbja tgħid li “hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu.” * (2 Pietru 3:13) Permezz tas-Saltna tiegħu, Alla se jirrestawra l-art tagħna għall-kundizzjoni kif kien l-iskop tiegħu għaliha, “u ma jkunx hemm iżjed mewt.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) Jirreferi dan għall-ħajja fis-sema jew fuq l-art? Biex xi ħaġa ‘ma tkunx iżjed,’ kellha tkun hemm oriġinarjament. Imma l-mewt qatt m’eżistiet fis-sema. Għalhekk, loġikament, dan il-vers jirreferi għal x’se jiġri fuq l-art, fejn suppost ngħixu u fejn nixxennqu li nkunu mal-maħbubin tagħna. Il-Bibbja turi wkoll li l-mejtin se jerġgħu jingħataw il-ħajja u jerġgħu jingħaqdu mal-maħbubin tagħhom.—Ġwanni 5:28, 29.

Ħafna nies tgħaxxqu jitgħallmu x’tgħid il-Bibbja verament dwar is-smewwiet. Pereżempju, George, li qabel kien Kattoliku, jgħid: “It-tagħlim tal-Bibbja dwar il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art sibtu taʼ faraġ. Jagħmel iżjed sens milli tmur is-sema.” *

“Is-smewwiet—taʼ Ġeħova huma s-smewwiet, imma l-art taha lil ulied il-bnedmin.”Salm 115:16.

^ par. 13 Bla dubju, in-natura t’Alla hi spiritwali, mhux fiżika. (Ġwanni 4:24) Għalhekk, il-post fejn hu jgħammar għandu jkun qasam spiritwali separat mill-univers fiżiku jew tanġibbli tagħna.

^ par. 19 Il-frażi “art ġdida” mhix pjaneta letterali ġdida; pjuttost, hi frażi simbolika li tirreferi għal soċjetà taʼ nies li jgħixu fuq l-art u li jkollhom l-approvazzjoni t’Alla.—Salm 66:4.

^ par. 20 Il-Bibbja tgħallem li taħt is-Saltna t’Alla, numru limitat taʼ bnedmin—144,000—biss jintgħażlu biex isaltnu fis-sema maʼ Ġesù.—1 Pietru 1:3, 4; Rivelazzjoni 14:1.