Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 INTERVISTA | ELDAR NEBOLSIN

Pjanista tal-Mużika Klassika Jispjega t-Twemmin Tiegħu

Pjanista tal-Mużika Klassika Jispjega t-Twemmin Tiegħu

Eldar Nebolsin mill-Uzbekistan hu pjanista taʼ fama internazzjonali. Hu daqq bħala solista maʼ orkestri f’Londra, Moska, San Pietruburgu, New York, Pariġi, Ruma, Sydney, Tokjo, u Vjenna. Eldar trabba fl-Unjoni Sovjetika bħala ateu. Imma iktar tard wasal għall-konklużjoni li l-bniedem hu x-xogħol taʼ Ħallieq taʼ mħabba. Stenbaħ! staqsieh dwar il-mużika u t-twemmin tiegħu.

Kif sirt mużiċista?

Il-ġenituri tiegħi t-tnejn huma pjanisti. Bdew jgħallmuni meta kelli ħames snin. Iktar tard, studjajt fl-iskola tal-mużika avanzata f’Tashkent.

Għidilna dwar l-isfidi li tiltaqaʼ magħhom meta ddoqq f’orkestra.

L-ebda żewġ orkestri mhuma l-istess. Huma bħal strumenti mużikali ġganteski li “jindaqqu” mis-surmast tagħhom. Forsi l-ikbar sfida għas-solista hi li jkollu komunikazzjoni mużikali bbilanċjata mas-surmast. Qisha diskursata bejn żewġt iħbieb—iktar milli wieħed minnhom jieħu r-riedni f’idejh, kull wieħed għandu jċedi lill-ieħor. Ġeneralment, ikollok biss prova jew tnejn biex tiżviluppa din ir-relazzjoni.

Kemm tqattaʼ ħin tipprattika?

Mill-inqas tliet sigħat kuljum—u dan mhux biex nipprattika l-biċċiet diffiċli biss. Nistudja wkoll l-istruttura tal-biċċa li nkun qed nipprepara—imma mingħajr ma ndoqqha. Ħaġ’oħra li nagħmel hi li nismaʼ xogħlijiet oħrajn tal-istess kompożitur u dan jagħtini fehma aħjar tal-biċċa li nkun qed nipprepara.

X’tgħid li jiddistingwih pjanista tajjeb?

Il-kapaċità tiegħu li jġiegħel il-pjanu “jkanta.” Ħalli nispjega. Il-pjanu hu tip taʼ strument tal-perkussjoni. Wara li tindaqq nota, il-ħoss jistaʼ biss jonqos fil-volum, għall-kuntrarju taʼ strumenti tan-nifs jew il-vuċi umana, li jistgħu jżommu nota jew inkella jżidu l-volum tagħha. L-isfida għall-pjanisti hi li jegħlbu t-tendenza li nota tisfuma fix-xejn. Jagħmlu dan permezz taʼ movimenti sottili tas-swabaʼ  u l-polz, flimkien mal-użu kumpless tal-pedala tal-lemin, li ttawwal il-ħin li ddum iddoqq nota u tvarja t-ton tagħha. Meta pjanista jirnexxilu jagħmilhom tajjeb dawn it-tekniki diffiċli, hu jistaʼ jġiegħel il-pjanu jinstemaʼ qisu flawt, kurunetta, jew saħansitra orkestra. Jistaʼ anke jagħmlu jinstemaʼ jixbah lill-istrument tal-aqwa kwalità fosthom kollha—il-vuċi umana.

Jidher ovvju li għandek imħabba profonda għall-mużika.

Għalija, il-mużika hija l-lingwa li l-iktar tesprimi u tqanqal direttament sentimenti li huma diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tikkomunikahom bil-kliem.

X’qanqallek l-interess f’affarijiet spiritwali?

Id-dar tagħna dejjem kienet mimlija kotba li missieri kien iġib minn Moska. Ktieb li interessani partikularment kien fih stejjer mill-Bibbja dwar il-bidu tal-istorja u l-esperjenzi tal-Iżraelin. Ktieb ieħor li ġie f’idejja kien Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. * Il-preżentazzjoni ċara tiegħu taʼ tagħlim mill-Bibbja affaxxinatni. Meta mort noqgħod Spanja fl-1991 biex nistudja l-mużika ħadtu miegħi dak il-ktieb u qrajtu kemm-il darba. Skoprejt twemmin li ma kienx biss ibbażat fuq l-emozzjoni imma wkoll fuq raġunar li jagħmel sens u fuq evidenza konvinċenti.

Tagħlim li vera qajjimli l-kurżità kien il-wegħda tal-Bibbja li n-nies jistgħu jgħixu fuq l-art għal dejjem. Tant kien jagħmel sens! Irrid ngħid li kont għadni ma ltqajtx max-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma kont deċiż li meta fl-aħħar niltaqaʼ magħhom nitlobhom jagħtuni lezzjonijiet tal-Bibbja.

Kif iltqajt max-Xhieda?

Ftit jiem wara li ħadt dik id-deċiżjoni, rajt żewġ nisa, kull waħda bil-Bibbja f’idha. ‘Jidhru qishom in-nies li qrajt dwarhom fil-ktieb tiegħi,’ ħsibt bejni u bejn ruħi. ‘Qed jippritkaw eżatt bħalma għamlu l-Kristjani fi żminijiet Bibliċi.’ F’kemm ili ngħidlek bdejt nistudja l-Bibbja maʼ Xhud. Illum, l-għaxqa tiegħi hi li ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar il-Ħallieq tagħna.

Meta tqis li kont ateu, xi kkonvinċiek biex temmen f’Ħallieq?

Kienet il-mużika nfisha. Kważi kulħadd japprezzaha l-mużika u b’tali mod li ebda annimal ieħor ma jistaʼ. Il-mużika tistaʼ tesprimi l-ferħ, il-kunfidenza, it-tenerezza, u kważi kull emozzjoni oħra. Aħna awtomatikament niċċaqalqu mar-ritmi tal-mużika. Imma hi neċessarja l-mużika għas-sopravivenza tagħna? Għandha xi sehem fis-“sopravivenza tal-iktar b’saħħtu,” bħalma jgħallmu l-evoluzzjonisti? Ma naħsibx. Fil-fehma tiegħi, mhux raġunevoli li tikkonkludi li l-moħħ uman, bil-kapaċità tiegħu li joħloq u japprezza l-mużika bħal dik taʼ Mozart u Beethoven, hu l-prodott tal-evoluzzjoni. Spjegazzjoni ħafna iktar raġunevoli hi li l-moħħ hu l-prodott taʼ Ħallieq għaref u kollu mħabba.

Il-Bibbja hi bħal sinfonija bi struttura eleganti, arranġament tas-sengħa, u b’messaġġ li jqanqal l-emozzjoni tal-umanità

X’wasslek biex temmen li l-Bibbja hi minn Alla?

Il-Bibbja hi kollezzjoni taʼ 66 ktieb żgħir li nkitbu fuq medda taʼ madwar 1,600 sena minn xi 40 raġel. Staqsejt lili nnifsi, ‘Min setaʼ dderieġa l-kitba taʼ kapolavur unit bħal dan?’ L-unika risposta raġunevoli hi Alla. F’moħħi, il-Bibbja hi bħal sinfonija bi struttura eleganti, arranġament tas-sengħa, u b’messaġġ li jqanqal l-emozzjoni tal-umanità kollha.

^ Par. 15 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova issa jużaw il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja. Tistaʼ ssibu f’www.mr1310.com/mt.