Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-determinazzjoni tagħkom hi bħal ankra li żżomm iż-żwieġ fis-sod fil-maltemp

GĦALL-KOPPJI

1: Kunu determinati li tibqgħu fiż-żwieġ

1: Kunu determinati li tibqgħu fiż-żwieġ

DAN XI JFISSER

L-​irġiel u n-​nisa li jkunu determinati li jibqgħu fiż-​żwieġ iqisu ż-​żwieġ bħala rabta dejjiema, u dan jagħtihom sens taʼ sigurtà. Kull wieħed minnhom se jkun fiduċjuż li l-​parti l-​oħra se tibqaʼ fiż-​żwieġ anki fi żminijiet diffiċli.

Xi koppji jħossuhom obbligati li jibqgħu flimkien minħabba l-​pressjoni li jkollhom mill-​familja jew minn taʼ madwarhom. Imma jkun ħafna aħjar li jkunu jridu jibqgħu flimkien għax iħobbu u jirrispettaw lil xulxin.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Raġel m’għandux jitlaq lil martu.”—1 Korintin 7:11.

“Jekk tkun determinat li tibqaʼ fiż-​żwieġ, m’intix se tieħu għalik malajr. Minflok, se tkun ħafif biex taħfer u biex tiskuża ruħek. Int se tqis il-​problemi bħala ostakli li tistaʼ tegħlibhom u mhux bħala xi ħaġa li twassal għall-​firda.”—Micah.

GĦALA HU IMPORTANTI

Min ma jkunx determinat li jibqaʼ fiż-​żwieġ, meta jiffaċċja l-​problemi għandu iktar ċans li jikkonkludi, ‘Ma konniex maħluqin għal xulxin,’ u jara x’jagħmel biex jinħall miż-​żwieġ.

“Ħafna nies jiżżewġu bil-​ħsieb li jekk iż-​żwieġ ma jirnexxix jaqbdu u jiddivorzjaw. Meta jidħlu fiż-​żwieġ b’dan il-​ħsieb diġà f’moħħhom, allura mill-​bidu nett ma jkunx hemm bażi soda.”—Jean.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

EŻAMINA LILEK INNIFSEK

Meta tkunu qed targumentaw . . .

  • Jgħaddilek minn moħħok li qed jiddispjaċik li żżewwiġt lil din il-​persuna?

  • Timmaġina lilek innifsek maʼ xi ħadd ieħor?

  • Tgħid affarijiet bħal “Se nitilqek” jew “Se nsib lil xi ħadd ieħor li japprezzani”?

Jekk weġibt iva għal waħda jew iktar minn dawn il-​mistoqsijiet, allura issa hu ż-​żmien li ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek li tibqaʼ fiż-​żwieġ.

IDDISKUTU DAN BĦALA KOPPJA

  • Għadna determinati li nibqgħu fiż-​żwieġ bħal qabel? Jekk le, għala?

  • Liema passi nistgħu nieħdu issa biex insaħħu d-​determinazzjoni tagħna?

SUĠĠERIMENTI

  • Minn żmien għal żmien, ikteb xi ħaġa romantika lir-​raġel jew il-​mara tiegħek

  • Uri li int determinat li tibqaʼ fiż-​żwieġ billi fuq id-​desk tax-​xogħol tiegħek tpoġġi ritratti taʼ żewġek jew martek

  • Ċempel lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ kuljum waqt li tkun ix-​xogħol jew meta tkunu ’l bogħod minn xulxin

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.