Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek fidi li ma titħarrikx fis-Saltna?

Għandek fidi li ma titħarrikx fis-Saltna?

“Il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.”—EBR. 11:1.

1, 2. X’se jsaħħaħ il-fiduċja tagħna li permezz tas-Saltna l-iskop t’Alla għall-bnedmin se jitwettaq, u għala? (Ara l-ewwel stampa.)

BĦALA Xhieda taʼ Ġeħova, aħna b’żelu nippritkaw li s-Saltna t’Alla hi l-unika soluzzjoni għall-problemi tagħna. Iżda, aħna tassew konvinti li s-Saltna hi reali u li permezz tagħha se jitwettaq l-iskop t’Alla? Għala jistaʼ jkollna fidi soda fis-Saltna?—Ebr. 11:1.

2 Is-Saltna t’Alla taħt it-tmexxija tal-Messija hi arranġament stabbilit minn Dak li Jistaʼ Kollox innifsu biex iwettaq l-iskop tiegħu għall-bnedmin. Is-Saltna hi bbażata fuq pedament sod—id-dritt assolut taʼ Ġeħova li jsaltan. Aspetti importanti tas-Saltna—is-sultan tagħha, dawk li jsaltnu miegħu, u fuq xiex se jkollhom awtorità—ilkoll ġew stabbiliti legalment permezz taʼ pattijiet. Dawn il-pattijiet huma kuntratti, jew ftehim, legali li saru minn Ġeħova jew Ibnu, Ġesù Kristu. Billi neżaminaw dawn il-pattijiet, se nifhmu aħjar kif l-iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq u għala nistgħu nkunu fiduċjużi li s-Saltna ma tistax titħarrek.Aqra Efesin 2:12.

3. X’se neżaminaw f’dan l-artiklu u f’dak taʼ warajh?

 3 Il-Bibbja tirreferi għal sitt pattijiet ewlenin li għandhom x’jaqsmu mas-Saltna t’Alla taħt it-tmexxija taʼ Kristu. Dawn huma (1) il-patt Abrahamiku, (2) il-patt tal-Liġi, (3) il-patt Davidiku, (4) il-patt għal qassis bħal Melkisedek, (5) il-patt il-ġdid, u (6) il-patt tas-Saltna. Ejja neżaminaw kif kull patt għandu x’jaqsam mas-Saltna u jaħdem biex jitwettaq l-iskop t’Alla għall-art u għall-bnedmin.—Ara ċ-ċart “ Kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu.”

WEGĦDA TIRRIVELA KIF L-ISKOP T’ALLA SE JITWETTAQ

4. Bħalma hemm miktub fil-ktieb tal-Ġenesi, Ġeħova liema digrieti għamel b’konnessjoni mal-bnedmin?

4 Wara li ħejja l-pjaneta mill-isbaħ tagħna biex ikun jistaʼ jgħix fuqha l-bniedem, Ġeħova għamel tliet digrieti b’konnessjoni mal-bnedmin: Alla tagħna kien se joħloq lill-umanità fix-xbieha tiegħu, il-bnedmin kienu se jagħmlu l-art ġenna u jimlewha bi wliedhom li jħobbu s-sewwa, u l-bnedmin kienu projbiti milli jieklu mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. (Ġen. 1:26, 28; 2:16, 17) Dawn it-tliet digrieti kienu deskrizzjoni sħiħa tal-iskop t’Alla għall-bnedmin u l-art. Allura, Alla għala kellu jagħmel il-pattijiet?

5, 6. (a) Satana kif ipprova jfixkel l-iskop t’Alla? (b) Ġeħova kif wieġeb għall-isfida taʼ Satana fl-Għeden?

5 Satana beda ribelljoni kontra Alla u l-iskop tiegħu. Hu pprova jġib fix-xejn l-ubbidjenza tal-bnedmin lejn Alla billi ħajjar lil Eva biex tiekol il-frott mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. (Ġen. 3:1-5; Riv. 12:9) Billi għamel dan, hu sfida d-dritt t’Alla li jsaltan fuq il-ħolqien Tiegħu. Barra minn hekk, Satana iktar tard akkuża lill-bnedmin li kienu qed jaqdu lil Alla għal raġunijiet egoistiċi.—Ġob 1:9-11; 2:4, 5.

6 Ġeħova kif kien se jwieġeb għall-isfida taʼ Satana fl-Għeden? Veru, kieku qabad u qered lir-ribelli kien itemm ir-ribelljoni tagħhom. Imma kien ifisser ukoll li ma jitwettaqx l-iskop t’Alla li l-art tkun mimlija dixxendenti ubbidjenti t’Adam u Eva. Ġeħova għażel li ma jeqridx lir-ribelli, imma minflok għamel profezija profonda, il-wegħda li saret fl-Għeden. Din kienet garanzija li kull dettall tal-wegħdi t’Alla għall-art u għall-bnedmin kien se jseħħ.—Aqra Ġenesi 3:15.

7. Il-wegħda li saret fl-Għeden x’tirrivela dwar is-serp u n-nisel tiegħu?

7 Permezz tal-wegħda li saret fl-Għeden, Alla kkundanna lis-serp u n-nisel tiegħu għall-mewt, jiġifieri, lil Satana x-Xitan u dawk li jingħaqdu miegħu kontra d-dritt t’Alla li jsaltan. Alla ta lin-nisel tal-mara l-awtorità li jeqred lil dawn ir-ribelli. Għalhekk, il-wegħda li saret fl-Għeden irrivelat li Satana u l-effetti tar-ribelljoni tiegħu kienu se jiġu eliminati. Il-wegħda identifikat ukoll kif dan kien se jsir.

8. X’nitgħallmu dwar l-identità tal-mara u n-nisel tagħha?

8 Min kien se jkun in-nisel tal-mara? In-nisel kien se jkollu jkun persuna spirtu. Għala? Għax dan in-nisel se “jġib fix-xejn” lil Satana, li hu ħliqa spirtu inviżibbli. (Ebr. 2:14) Allura l-mara li tiled lil dan in-nisel ukoll kellha tkun inviżibbli. Waqt li n-nisel  tas-serp immultiplika, l-identità tal-mara u n-nisel tagħha baqgħet misteru għal madwar 4,000 sena wara li saret il-wegħda fl-Għeden. Matul dawn is-snin, Ġeħova għamel diversi pattijiet li jidentifikaw lin-nisel u li jirrivelaw kif Alla se jirranġa l-ħsara li ġabet magħha r-ribelljoni taʼ Satana.

PATT JIDENTIFIKA LIN-NISEL

9. X’inhu l-patt Abrahamiku, u meta sar validu?

9 Madwar 2,000 sena wara li saret il-wegħda fl-Għeden, Ġeħova kkmanda lill-patrijarka Abraham biex jitlaq id-dar tiegħu f’Ur, il-Mesopotamja, u jmur fl-art taʼ Kangħan. (Atti 7:2, 3) Ġeħova qallu: “Itlaq minn artek u minn qrabatek u minn dar missierek u mur fl-art li se nurik; u nagħmel ġens kbir minnek u nbierkek u nagħmel ismek kbir; u int kun barka għal oħrajn. U nbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek, u permezz tiegħek żgur li se jitbierku l-familji kollha taʼ l-art.” (Ġen. 12:1-3) Il-wegħda t’Alla lil Abraham tissejjaħ il-patt Abrahamiku. Ma nafux eżattament meta Ġeħova l-ewwel għamel il-patt m’Abraham. Imma nafu li l-patt sar validu fis-sena 1943 QEK, meta Abraham, li kellu 75 sena, telaq minn Ħaran u qasam ix-Xmara Ewfrat.

10. (a) Abraham kif wera fidi soda fil-wegħdi t’Alla? (b) Ġeħova liema dettalji rrivela ftit ftit dwar in-nisel tal-mara?

10 Ġeħova rripeta l-wegħda tiegħu lil Abraham diversi drabi u kull darba żied iktar dettalji. (Ġen. 13:15-17; 17:1-8, 16) Il-fidi t’Abraham fil-wegħdi t’Alla tant kienet soda li saħansitra kien lest li jissagrifika lill-għażiż ibnu. Allura Ġeħova tqanqal isaħħaħ  il-patt billi ggarantixxa li l-wegħda tiegħu kienet se sseħħ. (Aqra Ġenesi 22:15-18; Ebrej 11:17, 18.) Wara li l-patt Abrahamiku sar validu, Ġeħova ftit ftit irrivela dettalji importanti dwar in-nisel tal-mara. In-nisel kien se jiġi mill-familja t’Abraham, kien se jinkludi bosta nies li kienu se jaqdu bħala slaten, kien se jeqred lill-għedewwa kollha t’Alla, u kien se jkun barka għal ħafna bnedmin.

Abraham wera l-fidi soda tiegħu fil-wegħdi t’Alla (Ara paragrafu 10)

11, 12. L-Iskrittura kif turi li l-patt Abrahamiku għandu twettiq akbar, u dan xi jfisser għalina?

11 Filwaqt li l-patt Abrahamiku kellu twettiq letterali għad-dixxendenti t’Abraham meta wirtu l-Art Imwiegħda, l-Iskrittura turi li dan il-patt kellu wkoll twettiq spiritwali. (Gal. 4:22-25) F’dan it-twettiq akbar, bħalma spjega l-appostlu Pawlu taħt ispirazzjoni, Ġesù Kristu hu l-parti primarja tan-nisel t’Abraham u l-parti sekondarja tirreferi għall-144,000 Kristjan midluk. (Gal. 3:16, 29; Riv. 5:9, 10; 14:1, 4) Il-mara fil-wegħda li saret fl-Għeden hi l-parti tal-organizzazzjoni t’Alla fis-sema. Din il-mara tissejjaħ “Ġerusalemm taʼ fuq” u hi magħmula minn ħlejjaq spirti leali. (Gal. 4:26, 31) Bħalma wiegħed il-patt Abrahamiku, in-nisel tal-mara kien se jġib barkiet għall-umanità.

12 Il-patt Abrahamiku jipprovdi garanzija legali għas-Saltna tas-smewwiet u jiftaħ it-triq biex is-Sultan u dawk li jirrenjaw miegħu jirtu din is-Saltna. (Ebr. 6:13-18) Dan il-patt kemm se jdum? Ġenesi 17:7 jgħid li hu “patt għal żmien indefinit.” Se jibqaʼ jeżisti sakemm is-Saltna teqred lill-għedewwa t’Alla u sakemm il-familji kollha fuq l-art ikunu ġew imberkin. (1 Kor. 15:23-26) Infatti, dawk li mbagħad se jgħixu fuq l-art se jibbenefikaw għal dejjem. Il-patt t’Alla m’Abraham juri li Ġeħova hu determinat li jwettaq l-iskop tiegħu li bnedmin li jħobbu s-sewwa ‘jimlew l-art’!—Ġen. 1:28.

PATT JIGGARANTIXXI LI S-SALTNA SE TIBQAʼ GĦAL DEJJEM

13, 14. Il-patt Davidiku x’jiggarantixxi rigward it-tmexxija tal-Messija?

13 Il-wegħda li saret fl-Għeden u l-patt Abrahamiku jgħallmuna li t-tmexxija taʼ Ġeħova dejjem hi bbażata fuq il-livelli ġusti tiegħu. Allura s-Saltna taħt it-tmexxija tal-Messija li stabbilixxa Alla wkoll hi bbażata fuq dawn il-livelli ġusti. (Salm 89:14) Sejra din is-Saltna xi darba ssir korrotta, u għalhekk ikollha tiġi eliminata? Patt legali ieħor jiggarantixxi li dan qatt mhu se jiġri.

14 Ġeħova għamel wegħda mas-Sultan David t’Iżrael tal-qedem. Din il-wegħda tissejjaħ il-patt Davidiku. (Aqra t-2 Samwel 7:12, 16.) Kien matul ir-renju taʼ David f’Ġerusalemm li Ġeħova għamel dan il-patt miegħu, billi wiegħdu li l-Messija kien se jkun dixxendent tiegħu. (Lq. 1:30-33) B’dan il-mod, Ġeħova ta iktar informazzjoni speċifika dwar il-linja taʼ dixxendenza tal-Messija. Ġeħova qal li dan id-dixxendent taʼ David kien se jkollu “d-dritt legali” li jkun is-Sultan tas-Saltna Tiegħu. (Eżek. 21:25-27) Permezz taʼ Ġesù, is-saltna taʼ David se ‘tkun stabbilita fis-sod għal dejjem.’ Tabilħaqq, in-nisel taʼ David “ikun għal dejjem, u t-tron tiegħu bħax-xemx.” (Salm 89:34-37) Iva, it-tmexxija tal-Messija qatt ma  se ssir korrotta, u l-benefiċċji li jiġu minn din it-tmexxija se jibqgħu għal dejjem!

PATT GĦAL QASSIS

15-17. Skont il-patt għal qassis bħal Melkisedek, liema inkarigu ieħor kien se jkollu n-nisel, u għala?

15 Il-patt Abrahamiku u l-patt Davidiku jiggarantixxu li n-nisel tal-mara kien se jsaltan bħala sultan. Imma sabiex l-umanità kollha tibbenefika bis-sħiħ, in-nisel kellu jkun iktar minn sempliċi sultan. In-nisel kellu jkun qassis ukoll. Qassis biss jistaʼ joffri s-sagrifiċċju meħtieġ biex il-bnedmin jiġu meħlusin mid-dnub u jsiru parti mill-familja taʼ Ġeħova taʼ qaddejja leali fis-sema u fuq l-art. Biex jagħmel ċert li n-nisel ikun qassis, Ġeħova għamel ftehim legali ieħor, il-patt għal qassis bħal Melkisedek.

16 Alla rrivela permezz tas-Sultan David li Hu personalment kien se jagħmel patt maʼ Ġesù. Dan il-ftehim involva żewġ affarijiet. L-ewwel, li Ġesù kien se ‘joqgħod bil-qiegħda fuq il-lemin’ t’Alla sakemm jeqred l-għedewwa kollha tiegħu. U t-tieni, li Ġesù kien se jkun “qassis għal dejjem bl-istess mod taʼ Melkisedek.” (Aqra Salm 110:1, 2, 4.) Għala “bl-istess mod taʼ Melkisedek”? Għax ħafna qabel ma xi dixxendent t’Abraham wiret l-Art Imwiegħda, Melkisedek, is-sultan taʼ Salem, qeda bħala “qassis taʼ l-Alla l-Iktar Għoli.” (Ebr. 7:1-3) Hu kien maħtur direttament minn Ġeħova u hu l-uniku wieħed imsemmi fl-Iskrittura Ebrajka li qeda kemm bħala sultan u kemm bħala qassis. Ukoll, peress li m’hemmx rekord taʼ xi ħadd li kellu din il-pożizzjoni qabel jew wara Melkisedek, hu jistaʼ jissejjaħ “qassis għal dejjem.”

17 Ġesù hu maħtur direttament biex ikun qassis permezz taʼ dan il-patt persunali li Ġeħova għamel miegħu, u hu se jibqaʼ “qassis għal dejjem bl-istess mod taʼ Melkisedek.” (Ebr. 5:4-6) Dan juri b’mod ċar li Ġeħova jiggarantixxi li se juża s-Saltna tiegħu taħt it-tmexxija taʼ Kristu biex iwettaq l-iskop oriġinali tiegħu b’konnessjoni mal-bnedmin fuq l-art.

IS-SALTNA HI BBAŻATA FUQ PATTIJIET LEGALI

18, 19. (a) Il-pattijiet li ddiskutejna s’issa x’juru dwar is-Saltna? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

18 Mill-pattijiet li rajna s’issa tgħallimna kif kull patt għandu x’jaqsam mas-Saltna t’Alla taħt it-tmexxija taʼ Kristu u kif din is-Saltna hi bbażata b’mod sod fuq ftehim legali. Il-wegħda li saret fl-Għeden tiggarantixxi li Ġeħova se juża n-nisel tal-mara biex iwettaq l-iskop tiegħu għall-art u l-bnedmin. Il-patt Abrahamiku jispjega min kien se jkun dan in-nisel u xi rwol kien se jkollu.

19 Il-patt Davidiku jagħti iktar dettalji dwar il-linja taʼ dixxendenza tal-Messija. Dan il-patt jagħti wkoll lil Ġesù d-dritt li jsaltan fuq l-art għal dejjem. Il-patt għal qassis bħal Melkisedek jiggarantixxi li n-nisel kien se jaqdi bħala qassis. Imma Ġesù mhux se jkun l-uniku wieħed li jgħin lill-bnedmin isiru perfetti. Hemm oħrajn li ġew maħturin biex jaqdu bħala slaten u qassisin. Dawn minn fejn kienu se jiġu? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.