Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma d-Diżastri Naturali Kastig Minn Alla?

Huma d-Diżastri Naturali Kastig Minn Alla?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu

Huma d-​Diżastri Naturali Kastig Minn Alla?

Alla ma jużax id-​diżastri naturali biex jikkastiga lin-​nies innoċenti. Qatt m’għamel dan, u qatt m’hu se jagħmel dan. Għala? Għaliex “Alla hu mħabba,” tgħid il-​Bibbja fl-​1 Ġwanni 4:8.

L-għemejjel t’Alla huma mqanqlin mill-​imħabba. L-​imħabba ma tikkaġunax ħsara lill-​innoċenti, għax il-​Bibbja tgħid li “l-​imħabba ma tagħmilx ħsara lill-​proxxmu.” (Rumani 13:10) F’Ġob 34:12, il-​Bibbja tgħid: “Le, Alla qatt ma jaħdem id-​dnewwa.”

Huwa minnu li l-​Bibbja bassret diżastri għal żmienna, bħalma huma t-​“terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Imma Ġeħova m’għandu ebda tort għall-​qerda li jikkaġunaw dawn, sewwasew bħalma min jaqra r-​rapport tat-​temp m’għandu ebda tort għall-​ħsara li jikkaġuna l-​uragan li jkun bassar. Imma allura jekk m’huwiex Alla li jikkaġuna s-​sofferenza umana li jġibu magħhom id-​diżastri naturali, x’inhu l-​kaġun?

Il-Bibbja tirrivela li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin,” Satana x-​Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Dan ilu qattiel mir-​ribelljoni tiegħu, fil-​bidu taʼ l-​umanità, sa żmienna. (Ġwanni 8:44) Satana jqis il-​ħajja umana bħala li hi bla siwi u mhix importanti. Hu jaġixxi skond l-​ambizzjoni egoistika tiegħu, u għalhekk mhux taʼ b’xejn li ħoloq sistema globali bbażata fuq l-​egoiżmu. Is-​sistema tad-​dinja taʼ llum taċċetta li l-​bnedmin jiġu sfruttati saħansitra sal-​punt li ħafna nies bla difiża jgħixu f’postijiet perikolużi, f’postijiet fejn hemm ċans kbir li jseħħu d-​diżastri naturali jew dawk magħmulin mill-​bniedem. (Efesin 2:2; 1 Ġwanni 2:16) B’hekk, it-​tort għal ftit mill-​gwajijiet li jsofru xi vittmi jrid jingħata lil bnedmin rgħiba. (Koħèlet 8:9) Dan kif?

Għadd li jaħsdek taʼ diżastri huma kaġunati parzjalment mill-​bniedem. Per eżempju, ikkunsidra l-​gwaj li laqat lir-​residenti tal-​belt taʼ New Orleans, l-​Istati Uniti, li ġiet mgħarrqa minn uragan jew id-​djar li nqerdu mill-​valangi tat-​tajn li niżlu mill-​muntanji taʼ mal-​kosta tal-​Venezwela. F’dawn il-​każi u f’oħrajn, il-​fenomeni naturali, bħalma huma r-​riħ u x-​xita, ikkaġunaw diżastru l-​iktar minħabba n-​nuqqas t’għarfien ambjentali tal-​bniedem, l-​inġinerija inferjuri, l-​ippjanar difettuż, in-​nuqqas t’attenzjoni għat-​twissijiet, u l-​iżbalji amministrattivi taʼ dawk li jkunu fl-​awtorità.

Ikkunsidra diżastru fi żminijiet Bibliċi. Fi żmien Ġesù, il-​waqgħa għal għarrieda taʼ torri swiet il-​ħajja taʼ 18-il ruħ. (Luqa 13:4) Dan id-​diżastru setaʼ kien kaġunat minn żball uman, miż-​“żmien u ċ-​ċirkustanzi,” jew mit-​tnejn—imma żgur li mhux minħabba l-​ġudizzju t’Alla.—Koħèlet 9:11.

Alla qatt kien responsabbli għal xi diżastru? Iva, imma kuntrarju għad-​diżastri naturali jew dawk magħmulin mill-​bniedem, meta Ġeħova kkaġuna diżastru, dan kien selettiv, sar bi skop, u kien tassew rari. Żewġ eżempji taʼ dan huma d-​Dilluvju globali fi żmien il-​Patrijarka Noè u l-​qerda tal-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra matul il-​jiem taʼ Lot. (Ġenesi 6:7-9, 13; 18:20-32; 19:24) Dawn il-​ġudizzji divini qerdu popolazzjonijiet sħaħ taʼ wħud mill-​agħar, li ma ridux jitbiddlu, imma ppreservaw il-​ħajja taʼ dawk li kienu ġusti f’għajnejn Alla.

Fil-fatt, Alla Ġeħova għandu l-​mezz, ix-​xewqa, u l-​qawwa li jtemm is-​sofferenza kollha u li jġib serħan mill-​effetti tad-​diżastri naturali. Rigward Ġesù Kristu, is-​Sultan maħtur t’Alla, Salm 72:12 bassar: “Hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu.”