Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

Kif kienet il-ħajja għall-iskjavi fi żmien ir-Rumani?

Fl-Imperu Ruman, għadd kbir taʼ nies saru skjavi minħabba rebħ fi gwerra jew ħtif. Dawk maqbudin kienu jinbiegħu u ġeneralment qatt iktar ma reġgħu raw darhom jew lil familthom.

Ħafna skjavi kienu jitħaddmu sa ma jmutu fil-minjieri, filwaqt li dawk li kienu jaħdmu fl-irziezet u d-djar ħabtilhom aħjar. Skjav setaʼ ġie mġiegħel jilbes kullar tal-ħadid bi skrizzjoni jew tabella żgħira li twiegħed rigal jekk jinġieb lura lil sidu wara li jkun ħarab. Lil dawk li pprovaw jaħarbu ripetutament setgħet issirilhom marka fuq ġbinhom b’ħadida tikwi, spiss bl-ittra F għal fugitivus (maħrub).

Il-ktieb Bibliku taʼ Filemon jirrakkonta dwar kif l-appostlu Pawlu bagħat lura skjav maħrub jismu Oneżimu lil sidu, Filemon. Għalkemm Filemon kellu d-dritt legali li jikkastiga lil Oneżimu bl-aħrax, Pawlu talab lil Filemon biex ‘jilqgħu b’qalb tajba,’ f’ġieħ l-imħabba u l-ħbiberija persunali.—Filemon 10, 11, 15-18.

Il-Feniċi tal-qedem għala kienu magħrufin għaż-żebgħa kulur il-porpra?

Il-Feniċja, li bejn wieħed u ieħor kienet tiġi fejn hemm il-Libanu llum, kienet magħrufa għaż-żebgħa tal-porpra. Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem sebbaħ it-tempju b’“suf miżbugħ vjola ħamrani” magħmul minn artiġjan minn Tir.—2 Kronaki 2:13, 14.

Il-porpra kienet l-iktar żebgħa prezzjuża taʼ żmienha, l-iktar minħabba x-xogħol li kien fiha biex tiġi prodotta. L-ewwel, is-sajjieda kienu jiġbru l-bkiekem * mill-baħar fi kwantitajiet kbar. Kien hemm bżonn sa 12,000 minnhom biex tiġi prodotta ż-żebgħa għal biċċa ħwejjeġ waħda. Imbagħad, kienu jieħdu l-glandoli li jkun fihom iż-żebgħa minn dan il-bebbux tal-baħar, wara li jkunu ħarġuh mill-qoxra. Dawk li kienu jagħmlu ż-żebgħa kienu jħalltu l-melħ mal-glandoli u jħallu t-taħlita fil-beraħ u għax-xemx għal tlett ijiem. Imbagħad kienu jpoġġu kollox ġo bittija, iżidu l-ilma baħar, jgħattuha, u jħalluha ttektek għal diversi ġranet oħra.

Għal mijiet taʼ snin, permezz tal-kummerċ u l-kolonizzar tagħhom, il-Feniċi żammew kemm is-suq għall-porpra kif ukoll il-ħila biex jipproduċuha. Fdalijiet tal-produzzjoni tagħhom taż-żebgħa nstabu madwar il-Baħar Mediterran u lejn il-Punent sa Cádiz fi Spanja.

^ par. 8 Il-qoxra tagħhom hi bejn ħames u tmien ċentimetri twila.