Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | ALLA KIF IQISHOM IL-GWERER?

Kif Alla jqis il-gwerer tal-lum

Kif Alla jqis il-gwerer tal-lum

Illum in-nies qed jiġu maħqurin. Ħafna jitolbu lil Alla ripetutament għall-ħelsien u jitħassbu jekk dan il-ħelsien qattx jiġi. Jismaʼ Alla t-talb tagħhom għall-għajnuna? U xi ngħidu għal dawk li jirrikorru għall-gwerra biex iġibu fix-xejn il-moħqrija li jkunu għaddejjin minnha? Jappoġġa Alla l-isforzi tagħhom, billi jqis il-ġlied tagħhom iġġustifikat?

Armageddon se tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha

L-ewwel, ħalli din il-verità tfarrġek: Alla jara t-tbatija fid-dinja llum, u bi ħsiebu jagħmel xi ħaġa dwarha. (Salm 72:13, 14) Fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, Alla jwiegħed serħan lil dawk li ‘jsofru t-tribulazzjoni.’ Meta? “Fir-rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù mis-sema maʼ l-anġli setgħanin tiegħu . . . hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:7, 8) Din ir-rivelazzjoni taʼ Ġesù se sseħħ fil-futur f’dik li l-Bibbja ssejħilha “l-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” magħrufa wkoll bħala Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.

F’dik il-gwerra fil-futur, Alla se juża lil Ibnu, Ġesù Kristu, flimkien maʼ ħlejjaq spirti setgħanin oħra, u mhux lill-bnedmin, biex jiggwerraw kontra dawk mill-agħar. Il-qawwiet tas-sema se jġibu fi tmiem il-moħqrija kollha.—Isaija 11:4; Rivelazzjoni 19:11-16.

Sal-lum il-ġurnata, il-ħarsa t’Alla lejn il-gwerer ma nbidlitx. Hu xorta jqis il-gwerer bħala mezz leġittimu biex iġib fix-xejn il-moħqrija u l-ħażen. Imma bħalma kien minnu tul l-istorja, hu Alla biss li jiddetermina bi dritt meta gwerer bħal dawn għandhom jiġu miġġielda u min għandu jkun involut. Bħalma rajna, Alla diġà ddetermina li l-gwerra biex iġġib fix-xejn il-ħażen u biex jivvindika lill-maħqurin hi gwerra fil-futur u li se tkun miġġielda minn Ibnu, Ġesù Kristu. Dan ifisser li l-gwerer li qed jiġu miġġielda fuq l-art illum m’għandhomx l-approvazzjoni t’Alla, jidhru kemm jidhru nobbli l-kaġuni.

Biex nagħtu eżempju: Immaġina żewġ aħwa li jibdew jillitikaw meta missierhom ma jkunx hemm. Jieqfu għal ftit u jċemplu lil missierhom. Wieħed mill-aħwa jgħid li l-ieħor beda l-ġlieda, filwaqt li l-ieħor jgħid li ħuh kien qed jittrattah ħażin. It-tnejn li huma jduru lejn missierhom, kull wieħed jipprova jirbaħ l-appoġġ tiegħu fl-argument. Però, wara li jkun semagħhom it-tnejn, il-missier jgħidilhom biex jieqfu jitlewmu u jistennew lilu biex jirranġa l-affarijiet meta jasal id-dar. Għal xi żmien l-aħwa jistennew. Madankollu, wara ftit jerġgħu jibdew jiġġieldu. Meta missierhom jasal id-dar, ma jieħu pjaċir bl-ebda tifel u jikkastigahom it-tnejn talli m’obdewhx.

Illum, pajjiżi li jkunu qed jiggwerraw spiss iduru lejn Alla għall-appoġġ. Imma Alla ma jappoġġa lil ħadd fil-gwerer illum. Pjuttost, fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, jgħid ċar: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara,” u, “Tivvendikawx ruħkom.” (Rumani 12:17, 19) Iżjed minn hekk, hu għarraf li l-umanità għandha tistennieh bil-paċenzja biex jieħu azzjoni, kif se jagħmel f’Armageddon. (Salm 37:7) Meta l-ġnus jonqsu li jistennew lil Alla jaġixxi u minflok jirrikorru għall-gwerra, hu jqis gwerer bħal dawn bħala atti prużuntużi taʼ aggressjoni li jwasslu għad-diżapprovazzjoni tiegħu. B’hekk, f’Armageddon, Alla se jesprimi r-rabja tiegħu u jirranġa t-tilwim tal-ġnus darba għal dejjem billi “jwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.” (Salm 46:9; Isaija 34:2) Tabilħaqq, Armageddon se tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha.

It-tmiem tal-gwerer hu biss waħda mill-ħafna barkiet tas-Saltna t’Alla. Ġesù tkellem dwar dan il-gvern f’din it-talba magħrufa sew tiegħu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Is-Saltna t’Alla mhux biss se telimina l-gwerer kollha, imma se telimina l-kaġun ewlieni tal-gwerer, il-ħażen. * (Salm 37:9, 10, 14, 15) Mhux taʼ b’xejn li s-segwaċi taʼ Ġesù jħarsu ’l quddiem bil-ħeġġa għall-barkiet tas-Saltna t’Alla.—2 Pietru 3:13.

Imma, kemm irridu ndumu nistennew biex is-Saltna t’Alla ttemm it-tbatija, il-moħqrija, u l-ħażen? It-twettiq tal-profeziji Bibliċi jindika li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema. (2 Timotju 3:1-5) * Dalwaqt, is-Saltna t’Alla se ġġib dawn l-aħħar jiem fi tmiemhom bil-gwerra t’Armageddon.

Bħalma ġie nnotat iżjed kmieni, dawk li jinqerdu f’din l-aħħar gwerra se jkunu dawk “li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:8) Imma ftakar, Alla ma jieħu pjaċir bil-mewt taʼ ħadd, inkluż dawk mill-agħar. (Eżekjel 33:11) Peress li “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered” f’din il-gwerra tal-aħħar, hu qiegħed issa jara li l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù qed tiġi “pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha” qabel ma jiġi t-tmiem. (2 Pietru 3:8, 9; Mattew 24:14; 1 Timotju 2:3, 4) Iva, permezz tax-xogħol globali tal-ippritkar tax-Xhieda taʼ Ġeħova, in-nies illum għandhom opportunità biex isiru jafu lil Alla, biex jobdu l-aħbar tajba dwar Ġesù, u biex jgħixu ħalli jaraw il-jum meta l-gwerer ma jkunux iżjed.

^ par. 9 Is-Saltna t’Alla se telimina wkoll l-għadu tal-umanità, il-mewt. Bħalma hu nnotat fl-artiklu “Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin” f’din il-ħarġa, Alla se jirxoxta lil numru bla għadd taʼ nies, inkluż lil ħafna li fil-passat sfaw vittmi tal-gwerra.

^ par. 10 Għal iktar informazzjoni dwar l-aħħar jiem, ara kapitlu 9 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.