Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tkampa ma’ Problema taʼ Saħħa li Ma Kontx Qed Tistennieha

Kif Tkampa ma’ Problema taʼ Saħħa li Ma Kontx Qed Tistennieha

 F’daqqa waħda saħħtek marret għall-agħar? Mela taf li problema taʼ saħħa tistaʼ tagħmlek għajjien ħafna mentalment u emozzjonalment, u l-kura tistaʼ tiswa ħafna flus. X’jistaʼ jgħinek tkampa? Kif tistaʼ tgħin membru tal-familja jew ħabib li għaddej minn problema taʼ saħħa? Għalkemm il-Bibbja mhijiex ktieb dwar il-kura tas-saħħa, din fiha prinċipji prattiċi li jistgħu jgħinuk tkampa mas-sitwazzjoni bl-aħjar mod li tistaʼ.

Suġġerimenti li jgħinuk tkampa maʼ problema taʼ saħħa

  •   Fittex kura medika

     Il-Bibbja tgħid: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva.”—Mattew 9:12.

     Kif tgħodd għalina: Fittex l-għajnuna taʼ speċjalisti mediċi meta hemm il-bżonn.

     Ipprova dan: Ħu l-aħjar kura medika disponibbli għalik. Xi kultant, ikun aħjar li tfittex l-opinjoni taʼ iktar minn tabib wieħed. (Proverbji 14:15) Tkellem b’mod ċar mat-tobba—kun ċert li tifhimhom u li huma għandhom stampa ċara tas-sintomi tiegħek. (Proverbji 15:22) Fittex dwar il-marda tiegħek inkluż kull trattament li hu disponibbli. Meta tifhem x’inhu ġej, se tipprepara lilek innifsek aħjar għal kif se tkampa emozzjonalment u se tieħu deċiżjonijiet tajbin dwar il-kura li se tieħu.

  •   Ibqaʼ agħmel affarijiet tajbin għal saħħtek

     Il-Bibbja tgħid: “L-eżerċizzju hu tajjeb għal ġismek.”—1 Timotju 4:8, Contemporary English Version.

     Kif tgħodd għalina: Li tibqaʼ tagħmel affarijiet tajbin għal saħħtek, bħal eżerċizzju regolari, hu taʼ ġid għalik.

     Ipprova dan: Żomm rutina taʼ eżerċizzju regolari, kul ikel sustanzjuż, u orqod biżżejjed. Għalkemm għadek qed tidra tgħix b’din il-problema ġdida, l-esperti jaqblu li meta tagħmel sforz u tuża l-ħin tiegħek biex tagħmel affarijiet tajbin għal saħħtek se jkun taʼ ġid għalik. Naturalment, kun ċert li dak li se tagħżel li tagħmel se jagħmillek tajjeb u mhux se jiggravalek il-kundizzjoni taʼ saħħtek.

  •   Fittex l-għajnuna t’oħrajn

     Il-Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.

     Kif tgħodd għalina: Il-ħbieb tiegħek jistgħu jgħinuk f’dan iż-żmien diffiċli.

     Ipprova dan: Tkellem ma’ ħabib li tistaʼ tafdah u li tistaʼ tgħidlu dak kollu li qed tħoss. Li tagħmel dan se jgħinek tħossok inqas stressjat u iktar ferħan. Il-ħbieb u tal-familja aktarx ikunu jridu jgħinuk b’modi oħra imma forsi ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu. Għalhekk għidilhom ċar x’jistgħu jagħmlu biex jgħinuk. Kun raġunevoli f’dak li tistenna li jagħmlu għalik u dejjem uri li tapprezza meta jgħinuk. Fl-istess ħin, kun ċar u għidilhom meta jistgħu jżuruk u kemm jistgħu jdumu għax avolja jagħmluha b’intenzjoni tajba, jispiċċaw jgħejjuk.

  •   Kun pożittiv

     Il-Bibbja tgħid: “Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq, imma spirtu mdejjaq inixxef l-għadam.”—Proverbji 17:22.

     Kif tgħodd għalina: Li tkun pożittiv u ma taqtax qalbek se jgħinek tibqaʼ kalm u tkampa mal-istress li ġabitlek din il-problema.

     Ipprova dan: Hekk kif taddatta għal din il-problema ġdida, iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel u mhux fuq dak li ma tistax. Toqgħodx tqabbel lilek innifsek maʼ oħrajn jew ma’ kif kont qabel ma feġġet din il-problema. (Galatin 6:4) Agħmel miri li huma raġunevoli u li tistaʼ tilħaqhom. Dan se jgħinek tħares lejn il-futur b’mod pożittiv. (Proverbji 24:10) Sakemm tistaʼ, agħmel affarijiet għal oħrajn. Meta tagħti lil oħrajn se jagħmlek ferħan u jaljenak milli taħseb negattiv.—Atti 20:35.

Alla jistaʼ jgħinek tkampa maʼ problema taʼ saħħa?

 Il-Bibbja turi li Alla Ġeħova a jistaʼ jgħin lil persuna tkampa maʼ problemi taʼ saħħa. Għalkemm ma jistennewx mirakli, dawk li jaqdu lil Alla se jirċievu l-għajnuna tiegħu b’dawn il-modi li ġejjin:

 Paċi. Ġeħova jistaʼ jagħtina “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Filippin 4:6, 7) Din il-paċi, jew kalma ġewwinija, tistaʼ tgħin persuna ma tkunx ansjuża żżejjed. Alla jipprovdi din il-paċi lil dawk li jitolbu lilu u jgħidulu b’dak li jagħmilhom ansjużi.—1 Pietru 5:7.

 Għerf. Ġeħova jistaʼ jagħtina l-għerf biex nagħmlu deċiżjonijiet tajbin. (Ġakbu 1:5) Persuna jistaʼ jkollha dan l-għerf meta titgħallem u tipprattika l-prinċipji li dejjem jibqgħu japplikaw u li nsibuhom fil-Bibbja.

 Tama inkuraġġanti għall-futur. Ġeħova jwiegħed futur meta “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.ʼ” (Isaija 33:24) Din it-tama tgħin lil ħafna jibqgħu pożittivi minkejja li qed jesperjenzaw problemi taʼ saħħa serji ħafna.—Ġeremija 29:11, 12.

a Ġeħova huwa l-isem t’Alla kif jidher fil-Bibbja.—Salmi 83:18.