Mur fil-kontenut

Il-Bibbja x’tgħid dwar ir-rabja?

Il-Bibbja x’tgħid dwar ir-rabja?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Il-Bibbja tgħallem li rabja mhux ikkontrollata hi taʼ ħsara, kemm għall-persuna li żżomm ġo fiha r-rabja u kemm għal dawk taʼ madwarha. (Proverbji 29:22) Għalkemm ir-rabja xi kultant tkun ġustifikata, il-Bibbja tgħid li dawk li jibqgħu rrabjati ma jiksbux is-salvazzjoni. (Galatin 5:19-21) Il-Bibbja fiha prinċipji li jistgħu jgħinu persuna tikkontrolla r-rabja.

 Ir-rabja dejjem hi ħażina?

 Le. Xi kultant ir-rabja tkun ġustifikata. Pereżempju, ir-raġel leali Neħemija ‘rrabja ħafna’ meta sar jaf li xi wħud mill-adoraturi sħabu kienu qed jiġu maħqura.—Neħemija 5:6.

 Xi kultant, Alla jħossu rrabjat. Pereżempju, meta n-nies tiegħu tal-qedem ma żammewx mal-arranġament li jqimu lilu biss u bdew jaqdu allat foloz, “ir-rabja taʼ Ġeħova xegħlet” kontrihom. (Imħallfin 2:13, 14) Minkejja dan, ir-rabja mhijiex aspett dominanti tal-personalità t’Alla Ġeħova. Ir-rabja tiegħu hi dejjem ġustifikata u kkontrollata.—Eżodu 34:6; Isaija 48:9.

 Ir-rabja meta hi ħażina?

 Ir-rabja hi ħażina meta ma tkunx ikkontrollata jew ġustifikata. Spiss dan hu l-każ meta juruha l-bnedmin imperfetti. Pereżempju:

  •   Kajjin “imtela b’rabja kbira” meta Alla m’aċċettax is-sagrifiċċju tiegħu. Kajjin ħalla r-rabja tinġemaʼ ġo fih sal-punt li qatel lil ħuh.—Ġenesi 4:3-8.

  •   Il-profeta Ġona “għadab għall-aħħar” meta Alla wera ħniena man-nies taʼ Ninwe. Alla kkoreġa lil Ġona u qallu li ma kellux ‘għalfejn jagħdab daqshekk’ u li messu ġietu ħniena minn dawk il-midinbin li nidmu.—Ġona 3:10–​4:1, 4, 11. a

 Dawn iż-żewġ eżempji juru li jekk ma tkunx ikkontrollata u ġustifikata, “il-korla tal-bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.”—Ġakbu 1:20.

 Int kif tistaʼ tikkontrolla r-rabja?

  •   Irrikonoxxi l-periklu taʼ rabja mhux ikkontrollata. Xi wħud iħossu li jekk jisfogaw ir-rabja tagħhom juru li għandhom karattru sod. Il-verità hi li xi ħadd li ma jistax jikkontrolla r-rabja tiegħu għandu dgħufija serja. “Bħal belt miftuħa u bla ħitan, hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.” (Proverbji 25:28; 29:11, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Mill-banda l-oħra, meta nikkultivaw l-abbiltà li nikkontrollaw ir-rabja tagħna, aħna nuru li għandna karattru sod u d-dixxerniment. (Proverbji 14:29) Il-Bibbja tgħid: “Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn raġel setgħan.”—Proverbji 16:32.

  •   Tgħallem ikkontrolla r-rabja qabel ma ġġiegħlek tagħmel xi ħaġa u mbagħad jiddispjaċik. Salm 37:8 jgħid: “Itlaq ir-rabja u ħalli d-dagħdigħa.” Iżid jgħid ukoll: “Titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-ħażen.” Innota li meta nkunu rrabjati, għandna għażla. Nistgħu nagħżlu li nitilqu r-rabja ħalli ma naslux sal-punt li ‘nagħmlu l-ħażen.’ Bħalma jgħid Efesin 4:26: “Jekk tinkorlaw, tidinbux.”

  •   Jekk hu possibbli itlaq meta tibda tħossok irrabjat. “Il-bidu tal-ġlied hu bħal xi ħadd li jħalli l-ilmijiet joħorġu,” tgħid il-Bibbja. “Qabel ma tfaqqaʼ t-tilwima, warrab.” (Proverbji 17:14) Għalkemm hu għaqli li tirranġa d-differenzi m’oħrajn malajr kemm jistaʼ jkun, hemm bżonn li kemm int u kemm il-persuna l-oħra tikkalmaw qabel tkunu tistgħu tiddiskutu l-affarijiet fil-paċi.

  •   Sir af il-fatti. “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu,” jgħid Proverbji 19:11. Inkunu għaqlin jekk ikollna l-fatti kollha qabel ma naslu għal konklużjoni. Meta ma nisimgħux biss qanpiena waħda, se jkun hemm inqas ċans li jkollna rabja mhux ġustifikata.—Ġakbu 1:19.

  •   Itlob għall-paċi tal-moħħ. It-talb jistaʼ jgħinek tesperjenza “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Filippin 4:7) It-talb hu wieħed mill-modi prinċipali li permezz tiegħu nirċievu l-ispirtu t’Alla. Dan jistaʼ jgħinna niżviluppaw kwalitajiet bħall-paċi, il-paċenzja, u r-rażan.—Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23.

  •   Agħżel bil-għaqal maʼ min tagħmilha. Aħna għandna t-tendenza li nsiru bħan-nies li nagħmluha magħhom. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja twissi: “Tissiħibx maʼ min jirrabja malajr; u tagħmilhiex maʼ bniedem li jisbel.” Għala? “Sabiex ma ssirx midħla taʼ mogħdijietu għax żgur ikun nassa għal ruħek.”—Proverbji 22:24, 25.

a Milli jidher, Ġona aċċetta l-korrezzjoni u ma baqax irrabjat, għax Alla użah biex jikteb is-silta tal-Bibbja li tissejjaħ b’ismu.