Mur fil-kontenut

Tgħallem il-Bibbja li d-dinja hi ċatta?

Tgħallem il-Bibbja li d-dinja hi ċatta?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Le, il-Bibbja ma tgħallimx li d-dinja hi ċatta. a Il-Bibbja mhix ktieb tax-xjenza. Imma fl-istess ħin, l-ebda ħaġa li hemm fil-Bibbja ma tikkontradixxi x-xjenza pprovata. Dak li tgħid il-Bibbja hu taʼ min joqgħod fuqu “għal dejjem, għal żmien indefinit.”—Salm 111:8.

 Xi trid tfisser il-Bibbja bl-espressjoni “l-erbat itruf taʼ l-art”?

 L-espressjonijiet “l-erbat itruf taʼ l-art” u “truf l-art” li jintużaw fil-Bibbja m’għandhomx jittieħdu b’mod letterali, bħallikieku l-art kienet kaxxa jew kellha t-truf. (Isaija 11:12; Ġob 37:3) Minflok, milli jidher dan hu kliem figurattiv li jirreferi għal wiċċ l-art kollha. Il-Bibbja tuża l-erbaʼ direzzjonijiet tal-boxxla b’mod simili.—Luqa 13:29.

 It-terminu Ebrajk li jiġi tradott “truf” jidher li hu idjoma bbażata fuq il-kelma “ġwienaħ.” Skont The International Standard Bible Encyclopedia, “minħabba li ġewnaħ t’għasfur jintuża biex jgħatti lill-frieħ tiegħu, dan it-terminu Ebrajk jintuża biex jiddeskrivi t-trufijiet taʼ kwalunkwe ħaġa li hi mġebbda.” L-istess xogħol taʼ referenza jżid li f’​Ġob 37:3 u f’​Isaija 11:12, “it-terminu jfisser il-kosti, il-fruntieri, jew it-truf tal-iktar postijiet imbiegħda tad-dinja.” b

 Xi ngħidu dwar it-tentazzjoni li x-Xitan għamel lil Ġesù?

 Biex jittanta lil Ġesù, “ix-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom.” (Mattew 4:8) Xi wħud jgħidu li dan ir-rakkont tal-Bibbja jgħallem li d-dinja hi ċatta u li tistaʼ tara d-dinja kollha minn post wieħed biss. Imma l-frażi “muntanja għolja ħafna” f’dan ir-rakkont tidher li hi metafora u mhux post letterali. Ikkunsidra għala hu raġunevoli li naslu għal din il-konklużjoni.

  •   M’hemm l-ebda muntanja letterali fid-dinja li minn fuqha tistaʼ tara s-saltniet kollha tad-dinja.

  •   Ix-Xitan wera lil Ġesù mhux biss is-saltniet kollha imma anke “l-glorja tagħhom.” Dettalji bħal dawn ma setgħux jidhru minn ħafna bogħod, allura jidher li x-Xitan uża xi tip taʼ viżjoni biex jurihom lil Ġesù. Dan jistaʼ jkun simili għal kif persuna tuża proġekter u skrin biex turi lil xi ħadd stampi taʼ diversi postijiet madwar id-dinja.

  •   Ir-rakkont simili taʼ Luqa 4:5 jgħid li x-Xitan wera lil Ġesù “s-saltniet kollha taʼ l-art abitata f’ħakka t’għajn,” li hu impossibbli bil-vista tal-bnedmin. Dan jindika li x-Xitan wera din it-tentazzjoni lil Ġesù permezz taʼ xi mezz ieħor.

a Il-Bibbja tirreferi għal Alla bħala l-“Wieħed li jgħammar ’il fuq miċ-ċirku taʼ l-art.” (Isaija 40:22) Xi xogħlijiet taʼ referenza jgħidu li jistaʼ jkun li l-kelma li hawnhekk tiġi tradotta “ċirku” tfisser globu, għalkemm mhux l-istudjużi kollha jaqblu fuq dan. Hu x’inhu l-każ, il-Bibbja ma tappoġġax l-idea li d-dinja hi ċatta.

b Edizzjoni riveduta, Volume 2, paġna 4.