Mur fil-kontenut

Xi jfisser in-numru 666?

Xi jfisser in-numru 666?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Skont l-​aħħar ktieb tal-​Bibbja, 666 huwa n-​numru, jew l-​isem, tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus u għaxart iqrun li toħroġ mill-​baħar. (Rivelazzjoni 13:1, 17, 18) Din il-​bhima hi simbolu tas-​sistema politika madwar id-​dinja, li taħkem fuq “kull tribù u poplu u lsien u ġens.” (Rivelazzjoni 13:7) L-​isem 666 jidentifika s-​sistema politika bħala falliment kbir f’għajnejn Alla. Kif?

  Iktar minn tikketta. L-​ismijiet li jagħti Alla jkollhom tifsira. Pereżempju, Alla ta lir-​raġel Abram, li jfisser “Missier Hu fl-​Għoli,” l-​isem Abraham, li jfisser “Missier Kotra,” meta Alla wiegħed li Hu kien se jagħmel lil Abraham “missier kotra taʼ ġnus.” (Ġenesi 17:5, noti taʼ taħt) Bl-​istess mod, Alla semmaʼ l-​bhima 666 bħala simbolu tal-​karatteristiki tagħha li jispikkaw.

  In-​numru sitta jistaʼ jfisser imperfezzjoni. Spiss, fil-​Bibbja n-​numri jintużaw bħala simboli. In-​numru sebgħa ġeneralment jirrappreżenta l-​kompletezza jew il-​perfezzjoni. In-​numru sitta, peress li hu wieħed inqas minn sebgħa, jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa mhix kompleta jew difettuża f’għajnejn Alla, u jistaʼ jkun assoċjat mal-​għedewwa t’Alla.​—1 Kronaki 20:6; Danjel 3:1.

  Tliet darbiet għall-​enfasi. Il-​Bibbja kultant tenfasizza xi ħaġa billi tirripetiha tliet darbiet. (Rivelazzjoni 4:8; 8:13) Allura l-​isem 666 jenfasizza b’mod qawwi l-​fatt li Alla jqis is-​sistemi politiċi tal-​bnedmin bħala fallimenti kbar. Dawn ma rnexxilhomx iġibu paċi u sigurtà dejjiema​—xi ħaġa li s-​Saltna t’Alla biss se jirnexxilha twettaq.

Il-​marka tal-​bhima

 Il-​Bibbja tgħid li xi nies jirċievu “l-​marka tal-​bhima salvaġġa” għax isegwuha “b’ammirazzjoni,” sal-​punt li jqimuha. (Rivelazzjoni 13:3, 4; 16:2) Dan jagħmluh billi tant jagħtu ġieħ lill-​pajjiż tagħhom, lis-​simboli tiegħu, jew lill-​qawwa militari tiegħu li bħallikieku jqimuhom. Bħalma tgħid The Encyclopedia of Religion: “In-​nazzjonaliżmu sar forma taʼ reliġjon dominanti fid-​dinja tal-​lum.”

 Il-​marka tal-​bhima kif titpoġġa fuq l-​id il-​leminija jew il-​ġbin taʼ xi ħadd? (Rivelazzjoni 13:16) Rigward il-​kmandi tiegħu lill-​ġens t’Iżrael, Alla qal: ‘Orbtuhom bħala sinjal fuq idkom, u jridu jservu bħala strixxa fuq ġbinkom.’ (Dewteronomju 11:18) Dan ma kienx ifisser li l-​Iżraelin kellhom jimmarkaw idhom u ġbinhom letteralment, imma li l-​kliem t’Alla kien se jiggwida l-​azzjonijiet u l-​ħsibijiet kollha tagħhom. Bl-​istess mod, il-​marka tal-​bhima mhijiex xi ħaġa letterali, bħal xi tatù tan-​numru 666, imma din b’mod simboliku tidentifika lil dawk li jħallu s-​sistema politika taħkmilhom ħajjithom. Dawk bil-​marka tal-​bhima jagħmlu lilhom infushom opponenti t’Alla.​—Rivelazzjoni 14:9, 10; 19:19-​21.