Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 10:1-48

  • Il-viżjoni taʼ Kornelju (1-8)

  • Il-viżjoni taʼ Pietru tal-annimali li ma baqgħux jitqiesu mniġġsin (9-16)

  • Pietru jżur lil Kornelju (17-33)

  • Pietru jipprietka l-aħbar tajba lil nies li mhumiex Lhud (34-43)

    • “Alla jqis lil kulħadd l-istess” (34, 35)

  • Nies li mhumiex Lhud jirċievu l-ispirtu qaddis u jitgħammdu (44-48)

10  F’Ċesarija kien hemm raġel jismu Kornelju, uffiċjal tal-armata* li jgħidulha l-korp Taljan.*  Kornelju kien jirrispetta ħafna lil* Alla u jqimu fid-dar tiegħu mal-familja kollha. Hu kien jagħmel it-tajjeb mal-foqra u kien dejjem jitlob bil-ħniena lil Alla.  Madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,* hu ra b’mod ċar f’viżjoni anġlu t’Alla dieħel għandu u jgħidlu: “Kornelju!”  Kornelju ħares lejh imwerwer u qallu: “X’ġara Mulej?” Hu qallu: “Alla jinnota t-talb tiegħek u t-tajjeb li tagħmel mal-foqra u hu jibqaʼ jiftakarhom.  Għalhekk, ibgħat lil xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil raġel jismu Xmun li jgħidulu wkoll Pietru.  Dan ir-raġel qed joqgħod għand Xmun, konzatur* li għandu dar ħdejn il-baħar.”  Malli l-anġlu li kellmu telaq, hu għajjat tnejn mill-qaddejja tiegħu u suldat li jirrispetta ħafna lil Alla,  qalilhom kollox, u bagħathom Ġaffa.  L-għada, waqt li kienu qed jivvjaġġaw u resqin lejn il-belt, Pietru telaʼ fuq il-bejt madwar nofsinhar* biex jitlob. 10  Imma hu qabdu ħafna ġuħ u ried jiekol. Waqt li kienu qed jippreparaw l-ikel, hu kellu viżjoni 11  u ra s-sema miftuħa u xi ħaġa* nieżla qisha liżar kbir tal-għażel li kien qed jitniżżel mal-art mill-erbat itruf tiegħu. 12  Fih kien hemm kull tip t’annimal b’erbaʼ saqajn, rettili,* u għasafar. 13  Imbagħad instemaʼ leħen li qallu: “Qum Pietru, oqtol u kul!” 14  Imma Pietru qal: “Żgur li le Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa u mhux nadifa.” 15  U l-leħen reġaʼ kellmu u qallu: “Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.” 16  Il-leħen instemaʼ għat-tielet darba, u dak li ra* Pietru ttellaʼ mill-ewwel lejn is-sema. 17  Waqt li Pietru kien għadu mħawwad, għax ma kienx jaf xi tfisser il-viżjoni li kien ra, l-irġiel li bagħat Kornelju kienu qed jistaqsu fejn hi d-dar taʼ Xmun u qagħdu ħdejn il-bieb. 18  Huma għajtu u staqsew jekk Xmun li jgħidulu Pietru kienx qed joqgħod hemm. 19  Hekk kif Pietru kien għadu qed jaħseb dwar il-viżjoni, l-ispirtu qaddis qallu: “Hemm tlett irġiel qed jistaqsu għalik. 20  Għalhekk lesti, inżel, u itlaq magħhom. Tiddubita xejn, għax jien bgħatthom.” 21  Imbagħad Pietru niżel ħdejn l-irġiel u qalilhom: “Jien hu r-raġel li qed tfittxu. Għala qegħdin hawn?” 22  Huma qalulu: “Aħna bagħatna Kornelju, uffiċjal tal-armata. Hu raġel sewwa u għandu rispett kbir lejn* Alla, u l-Lhud kollha jitkellmu tajjeb dwaru. Alla bagħat anġlu qaddis li dderiġieh biex jistiednek f’daru ħalli jismaʼ x’għandek x’tgħid.” 23  Għalhekk, stidinhom biex joqogħdu hemm. L-għada telaq magħhom, u xi aħwa minn Ġaffa marru miegħu. 24  Il-ġurnata taʼ wara hu daħal Ċesarija. Ovvjament, Kornelju kien qed jistenniehom u laqqaʼ flimkien lil dawk li jiġu minnu u lill-ħbieb kbar tiegħu. 25  Xħin Pietru wasal, Kornelju mar jiltaqaʼ miegħu. Hu niżel ħdejn saqajh u miel quddiemu. 26  Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum, jien bniedem bħalek.” 27  Waqt li Pietru kien qed jitkellem miegħu, daħal fid-dar u sab ħafna nies. 28  Hu qalilhom: “Intom tafu kemm hu kontra l-liġi li Lhudi jagħmilha maʼ xi ħadd li mhuwiex Lhudi jew imur għandu, imma Alla wrieni li m’għandi nqis lil ħadd imniġġes jew mhux nadif. 29  Għalhekk, meta bgħattu għalija ġejt mingħajr ma qgħadt niddubita. Issa nixtieq inkun naf għala bgħattu għalija.” 30  Imbagħad Kornelju qallu: “Erbat ijiem ilu, jien kont qed nitlob id-dar madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,* u dak il-ħin ġie quddiemi raġel bi ħwejjeġ jiddu 31  u qalli: ‘Kornelju, Alla semaʼ t-talba tiegħek u ftakar fit-tajjeb li għamilt mal-foqra. 32  Għalhekk, ibgħat lil xi ħadd Ġaffa biex iġib lil Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru. Hu qed joqgħod fid-dar taʼ Xmun il-konzatur,* li qiegħda ħdejn il-baħar.’ 33  Imbagħad, jien bgħatt għalik mill-ewwel, u int kont qalbek tajba biżżejjed li tiġi. Issa qegħdin hawn quddiem Alla biex nisimgħu dak kollu li kkmandak tgħid Ġeħova.”* 34  Għal dan Pietru qal: “Issa qed nifhem verament li Alla jqis lil kulħadd l-istess, 35  u hu jilqaʼ lil kull min jirrispettah ħafna* u jagħmel it-tajjeb, hu minn liema poplu hu. 36  Hu bagħat messaġġ lill-Iżraelin biex ixandrilhom l-aħbar tajba taʼ li jkollhom il-paċi miegħu permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej taʼ kulħadd. 37  Intom tafu li wara li Ġwanni pprietka dwar il-magħmudija tiegħu, in-nies bdew jitkellmu dwar dan fil-Galilija u fil-Lhudija kollha. 38  Qed nirreferi għal Ġesù minn Nazaret, li Alla għażlu* permezz tal-ispirtu qaddis u tah il-qawwa, u b’hekk hu għamel affarijiet tajbin u fejjaq lil dawk kollha li kienu qed ibatu minħabba x-Xitan, għax Alla kien miegħu. 39  Aħna xhieda taʼ kulma għamel kemm fil-pajjiż tal-Lhud u kemm f’Ġerusalemm, imma huma qatluh billi dendluh maʼ zokk.* 40  Alla rxoxtah fit-tielet jum u ppermettielu li jidher lin-nies. 41  Hu ma deherx lil kulħadd, imma deher lix-xhieda li ġew inkarigati minn qabel minn Alla, jiġifieri lilna li kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-mewt. 42  Ukoll, hu kkmandana biex nippritkaw lin-nies u nagħtuhom xhieda fid-dettall li dan hu l-wieħed li Alla inkariga biex jiġġudika lill-ħajjin u l-mejtin. 43  Il-profeti kollha tkellmu dwaru u qalu li permezz t’ismu, Alla se jaħfer id-dnubiet taʼ kull min juri fidi fih.” 44  Waqt li Pietru kien għadu qed jitkellem dwar dawn l-affarijiet, l-ispirtu qaddis niżel fuq dawk kollha li kienu qed jisimgħu l-kelma t’Alla. 45  Id-dixxipli* ċirkonċiżi li kienu marru maʼ Pietru baqgħu mbellhin, għax ir-rigal b’xejn tal-ispirtu qaddis kien qed jingħata wkoll lil dawk li ma kinux Lhud. 46  Huma semgħuhom jitkellmu b’lingwi differenti* u jfaħħru lil Alla bil-kbir. Imbagħad Pietru qal: 47  “Dawn irċivew l-ispirtu qaddis bħalna, mela ħadd ma jistaʼ jwaqqafhom milli jitgħammdu bl-ilma!” 48  Għalhekk, hu kkmandahom jitgħammdu f’isem Ġesù Kristu. Imbagħad talbuh biex jibqaʼ magħhom għal ftit jiem.

Noti taʼ taħt

Jew “ċenturjun,” jiġifieri kap taʼ 100 suldat.
Armata Rumana taʼ 600 suldat.
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Letteralment “Madwar id-disaʼ siegħa.”
Jiġifieri persuna li kienet tagħmel il-ġilda mill-ġilda tal-annimali mejtin.
Letteralment “madwar is-sitt siegħa.”
Letteralment “tip taʼ reċipjent.”
Jew “annimali li jitkaxkru.”
Letteralment “ir-reċipjent.”
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Letteralment “fid-disaʼ siegħa.”
Jiġifieri persuna li kienet tagħmel il-ġilda mill-ġilda tal-annimali mejtin.
Letteralment “jibżaʼ minnu.”
Letteralment “dilku.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “siġra.”
Jew “Dawk leali.”
Letteralment “bl-ilsna.”