Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tgħaddi b’Inqas Flus

Kif Tgħaddi b’Inqas Flus

 Qed ikollok tgħaddi b’inqas flus minħabba xi kriżi ekonomika li effettwat ħażin l-għajxien tiegħek? Il-pandemiji, diżastri naturali, taqlib politiku, u gwerer malajr jistgħu jfixklu l-ekonomija. Minkejja li jistaʼ jkun stressanti meta tonqoslok il-paga f’daqqa, il-Bibbja fiha pariri prattiċi li jistgħu jgħinuk tgħaddi b’inqas flus.

1. Aċċetta li s-sitwazzjoni nbidlet.

 Prinċipju tal-Bibbja: “Tgħallimt . . . kif inkun xebgħan u kif inkun bil-ġuħ.”—Filippin 4:12.

 Għalkemm se jkollok inqas flus minn qabel, tistaʼ titgħallem tadatta għaċ-ċirkustanzi finanzjarji l-ġodda. Iktar ma taċċetta malajr is-sitwazzjoni u tibda tadatta, int u l-familja se tkampaw aħjar.

 Informa ruħek dwar kwalunkwe għajnuna finanzjarja li tistaʼ tirċievi mingħand il-gvern jew xi organizzazzjoni oħra. Aġixxi malajr, għax ġeneralment skemi t’għajnuna bħal dawn ikunu miftuħin għal żmien qasir.

2. Aħdmu flimkien bħala familja.

 Prinċipju tal-Bibbja: “Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.”—Proverbji 15:22.

 Tkellem dwar is-sitwazzjoni mar-raġel jew il-mara u t-tfal. Permezz taʼ komunikazzjoni tajba, tistaʼ tgħin lill-familja biex tifhem u taqbel mal-bidliet li forsi jkollkom tagħmlu. Meta kulħadd joqgħod attent u jevita l-ħela, il-flus li jkollkom se jservu iżjed.

3. Agħmel budget.

 Prinċipju tal-Bibbja: ‘Oqgħod bil-qiegħda u kkalkula l-ispejjeż.ʼ—Luqa 14:28.

 Meta jkollok tgħaddi b’inqas, hu importanti ħafna li tkun taf eżatt fiex qed tonfoq il-flus. Skont is-sitwazzjoni l-ġdida li qiegħed fiha, agħmel budget billi l-ewwel tara kemm taħseb li se jkollok flus kull xahar. Imbagħad, avolja taf li ‘l quddiem trid tagħmel xi bidliet, ikteb l-ispejjeż u dak li qed tonfoq il-flus fuqu bħalissa kull xahar. Fil-lista tal-ispejjeż taʼ kull xahar, ipprova inkludi ammont taʼ flus li trid iġġemmaʼ għal spejjeż mhux mistennijin jew xi emerġenza.

 Suġġeriment: Meta tqis l-ispejjeż li għandek, tinsiex tinkludi l-affarijiet żgħar li ma jidhrux importanti. Taf tibqaʼ sorpriż kemm itellgħu dawn l-affarijiet żgħar maż-żmien. Pereżempju, wieħed raġel ikkalkula u rrealizza li kien qed jonfoq mijiet taʼ ewro kull sena fuq iċ-chewing gum.

4. Iddeċiedi liema spejjeż huma l-iktar importanti u agħmel il-bidliet.

 Prinċipju tal-Bibbja: “Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.”—Filippin 1:10.

 Qabbel id-dħul mal-ispejjeż li għandek. Ara x’inhuma l-affarijiet li tistaʼ tonfoq inqas fuqhom jew anki tgħaddi mingħajrhom, sabiex tkun tistaʼ tgħix bil-flus li għandek bħalissa. Ikkunsidra dawn l-affarijiet:

  •   Trasport: Jekk għandek iktar minn karozza waħda, tistaʼ tbigħ waħda minnhom? Jekk għandek karozza lussuża, tistaʼ tbiddilha maʼ waħda iktar ekonomika? Tistaʼ tneħħiha l-karozza, u tuża t-trasport pubbliku jew rota?

  •   Divertiment. Tistaʼ, għallinqas għal xi żmien, twaqqaf l-abbonamenti għas-servizz tal-istreaming, tas-satellita, jew tat-televixin? Tistaʼ ssib xi ħaġa irħas?

  •   Servizzi pubbliċi. Iddiskutu bħala familja kif tistgħu tnaqqsu l-ispejjeż tad-dawl u l-ilma. Forsi tidher xi ħaġa żgħira li titfi d-dawl u li ddum inqas ħin tinħasel, imma drawwiet bħal dawn jistgħu jiffrankawlek il-flus.

  •   Ikel. Evita li toħroġ tiekol fir-restoranti. Minflok, sajjar l-ikel id-dar. Ippjana x’se ssajjar, fejn tistaʼ ixtri u sajjar fi kwantitajiet kbar, u agħmel użu mill-ikel li jibqaʼ. Qabel tmur tixtri agħmel lista, ħalli ma tixtrix affarijiet bla bżonn. Ixtri ħaxix u frott lokali tal-istaġun, li ġeneralment ikun irħas. Evita li tixtri ikel li mhuwiex sustanzjuż. Forsi tistaʼ wkoll tħawwel xi ħxejjex tajbin għall-ikel.

  •   Ilbies. Ixtri l-ħwejjeġ meta jkollok bżonn tbiddel li għandek għax m’għadhomx tajbin, u mhux biex tibqaʼ mal-moda. Fittex għall-affarijiet meta jkunu bis-sale, jew minn ħwienet tas-second hand. Minflok ma tuża tumble dryer, onxor il-ħwejjeġ jekk it-temp u ċ-ċirkustanzi jippermettu, u b’hekk tiffranka l-flus.

  •   Spejjeż Oħra. Qabel ma tixtri xi ħaġa, staqsi lilek innifsek: ‘Għandi flus biex nixtriha? Vera għandi bżonnha?ʼ Tistaʼ ddum ftit żmien qabel ma tbiddel jew tixtri affarijiet tad-dar, apparat elettroniku, jew karozza aħjar? Jew inkella, tistaʼ tbigħ xi affarijiet li m’għadekx tuża jew li m’għandekx bżonn iktar? Meta tagħmel hekk tkun qed tissimplifika u jibqagħlek iktar flus.

 Suġġeriment: Il-fatt li tonqoslok ħafna l-paga jistaʼ jgħinek biex tiddeċiedi li twaqqaf ċerti vizzji taʼ ħsara u li jiswew il-flus, bħat-tipjip, il-logħob tal-flus, il-biljetti tal-lottu, u l-alkoħol. Permezz taʼ dawn il-bidliet, se jkollok iktar flus imma se tgawdi wkoll kwalità taʼ ħajja aħjar.

5. Tgħallem x’tgħid il-Bibbja.

 Prinċipju tal-Bibbja: “Ferħanin huma dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla.”—Mattew 5:3.

 Il-Bibbja toffri dan il-parir raġunevoli: “L-għerf hu protezzjoni bħalma l-flus huma protezzjoni; imma l-vantaġġ taʼ l-għarfien hu li l-għerf iżomm ħaj lil sidu.” (Ekkleżjasti 7:12) Dan l-għarfien insibuh fil-Bibbja u ħafna nies sabu li meta japplikaw il-pariri tagħha, jevitaw ansjetà żejda dwar problemi tal-flus. —Mattew 6:31, 32.