Mur fil-kontenut

Il-Bibbja x’tgħid dwar l-alkoħol? Huwa dnub li tixrob?

Il-Bibbja x’tgħid dwar l-alkoħol? Huwa dnub li tixrob?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Mhuwiex dnub li tixrob l-​alkoħol bil-​moderazzjoni. Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​inbid bħala għotja mingħand Alla li tistaʼ tagħmel il-​ħajja iktar pjaċevoli. (Salm 104:14, 15; Ekkleżjasti 3:13; 9:7) Il-​Bibbja tirrikonoxxi wkoll ċerti benefiċċji għas-​saħħa li jiġu mill-​inbid.—1 Timotju 5:23.

 Ġesù xorob inbid meta kien fuq l-​art. (Mattew 26:29; Luqa 7:34) F’wieħed mill-​mirakli tiegħu li hu magħruf sew, Ġesù biddel l-​ilma fi nbid bħala għotja ġeneruża f’festa tat-​tieġ.—Ġwanni 2:1-​10.

Il-​perikli li hemm meta xi ħadd jixrob iżżejjed

 Waqt li l-​Bibbja ssemmi l-​aspetti pożittivi tal-​inbid, hi tikkundanna x-​xorb żejjed u s-​sokor. B’hekk, Kristjan li jagħżel li jixrob l-​alkoħol għandu jagħmel dan biss bil-​moderazzjoni. (1 Timotju 3:8; Titu 2:2, 3) Il-​Bibbja tagħtina diversi raġunijiet biex ma nixorbux iżżejjed.

  •   Dan ifixkel il-​mod kif wieħed jaħseb u jirraġuna. (Proverbji 23:29-​35) Xi ħadd fis-​sakra ma jkunx jistaʼ jobdi l-​kmand tal-​Bibbja biex ‘jippreżenta ġismu bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tiegħu.’—Rumani 12:1.

  •   Ix-​xorb żejjed ineħħi l-​mistħija u “l-​motiv tajjeb,” jiġifieri l-​motiv li wieħed jagħmel dak li hu sewwa.—Ħosea 4:11; Efesin 5:18.

  •   Jistaʼ jwassal għall-​faqar u problemi serji taʼ saħħa.—Proverbji 23:21, 31, 32.

  •   Ix-​xorb żejjed u s-​sokor ma jogħġbux lil Alla.—Proverbji 23:20; Galatin 5:19-​21.

Kif tkun taf jekk hux qed tixrob iżżejjed?

 Xi ħadd ikun xorob wisq alkoħol meta jpoġġi lilu nnifsu u lil ħaddieħor fil-​periklu. Skont il-​Bibbja, min jixrob iżżejjed ma jiġix identifikat billi wieħed jintilef minn sensih imma billi ma jkunx jaf x’inhu jagħmel, jixxengel hu u mixi, jargumenta malajr, jew jibda jħawwad fil-​kliem. (Ġob 12:25; Salm 107:27; Proverbji 23:29, 30, 33) Anki dawk li jipprovaw ma jiskrux jistgħu ‘jitqalu b’xorb żejjed’ u jesperjenzaw konsegwenzi serji.—Luqa 21:34, 35.

Meta m’għandek tixrob xejn

 Il-​Bibbja turi wkoll li hemm żmien fejn il-​Kristjani m’għandhom jixorbu l-​ebda xorb alkoħoliku:

  •   Jekk oħrajn jitfixklu minħabba f’hekk.​—Rumani 14:21.

  •   Jekk imur kontra l-​liġi tal-​pajjiż.​—Rumani 13:1.

  •   Jekk dak li jkun ma jkunx jistaʼ jikkontrolla kemm jixrob. Dawk li jiddependu mill-​alkoħol jew xħin jixorbu m’għandhomx kontroll kemm jieħdu, għandhom ikunu lesti jieħdu azzjoni drastika.​—Mattew 5:​29, 30.