Mur fil-kontenut

X’Inhu s-​Sinjal tal-​“Aħħar Jiem,” jew “Żmien it-​Tmiem”?

X’Inhu s-​Sinjal tal-​“Aħħar Jiem,” jew “Żmien it-​Tmiem”?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 Il-​Bibbja ssemmi affarijiet li għandhom jiġru, kif għandha tkun il-​ħajja, u l-​attitudni tan-​nies. Dawn juruna li qed ngħixu fil-​“konklużjoni tas-​sistema,” jew “tmiem id-​dinja.” (Mattew 24:3; Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Il-​Bibbja ssejjaħ dan iż-​żmien “l-​aħħar jiem” jew ‘iż-​żmien tat-​tmiem.’—2 Timotju 3:1; Danjel 8:19.

Il-​Bibbja x’qalet li se jiġri “fl-​aħħar jiem”?

 Il-​Bibbja qalet minn qabel affarijiet li kellhom jiġru fl-​istess żmien. Dawn huma “s-​sinjal” tal-​aħħar jiem. (Luqa 21:7) Ejja naraw xi ftit minnhom:

 Gwerer mad-​dinja kollha. Ġesù qal li “ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Ukoll, il-​profezija f’​Rivelazzjoni 6:4 tkellmet dwar żiemel li jirrappreżenta l-​gwerer li kellu “jneħħi l-​paċi minn fuq l-​art.”

 Ġuħ. Ġesù semma li se “jkun hemm nuqqas taʼ ikel.” (Mattew 24:7) Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni semma żiemel ieħor li jirrappreżenta ġuħ f’ħafna postijiet madwar id-​dinja.—Rivelazzjoni 6:5, 6.

 Terremoti kbar. Ġesù qal li se jkun hemm “terremoti f’post wara l-​ieħor.” (Mattew 24:7; Luqa 21:11) Minħabba dawn it-​terremoti kbar, ħafna nies madwar id-​dinja kienu se jbatu u jitilfu ħajjithom iktar minn qatt qabel.

 Mard. Ġesù qal li kien se jkun hemm “mard li jittieħed,” jew epidemiji.—Luqa 21:11.

 Kriminalità. Għalkemm il-​kriminalità ilha teżisti għal mijiet taʼ snin, Ġesù qal li fl-​aħħar jiem, kellu “jiżdied il-​ħażen.”—Mattew 24:12.

 Jeqirdu l-​art. Il-​profezija f’​Rivelazzjoni 11:18 turi li n-​nies kellhom “jeqirdu l-​art.” Dan kellhom jagħmluh b’ħafna modi, billi jagħmlu affarijiet ħżiena u jeqirdu l-​ambjent.

 L-​attitudni tan-​nies kellha tmur għall-​agħar. Fit-​2 Timotju 3:1-​4, il-​Bibbja qalet li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies kellhom ikunu ‘ingrati, ma jkunux leali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, ma jikkontrollawx lilhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, u mkabbrin.’ L-​attitudni tan-​nies se tkun ħażina ħafna. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tgħid li dan iż-​żmien hu ‘kritiku li diffiċli ssib tarfu.’

 Familji mkissrin. Fit-​2 Timotju 3:2, 3, il-​Bibbja qalet li ħafna nies kellhom ikunu “mingħajr imħabba naturali” mal-​familji tagħhom. U t-​tfal kellhom ikunu “diżubbidjenti lejn il-​ġenituri.”

 L-​imħabba għal Alla kellha tonqos. Ġesù qal: “Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mattew 24:12) Ġesù ried ifisser li ħafna nies ma kinux se juru mħabba lejn Alla. Ukoll, it-​2 Timotju 3:4 jgħid, li fl-​aħħar jiem dawn in-​nies kienu se “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”

 Jemmnu ħaġa u jagħmlu oħra. Fit-​2 Timotju 3:5, il-​Bibbja qalet li n-​nies kienu se jgħidu li jqimu lil Alla imma ma jgħixux kif irid hu.

 Il-​profeziji tal-​Bibbja kellhom ikunu iktar ċari biex nifhmuhom. Il-​ktieb taʼ Danjel qal li fi “żmien it-​tmiem,” ħafna kienu se jitgħallmu l-​veritajiet u jifhmu ċar il-​profeziji tal-​Bibbja.—Danjel 12:4.

 It-​tagħlim tal-​Bibbja kellu jiżdied mad-​dinja kollha. Ġesù qal li “din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha.”—Mattew 24:14.

 Ħafna nies ma jurux interess u jwaqqgħu għaċ-​ċajt. Ġesù qal li ħafna nies kienu se jinjoraw l-​evidenza li t-​tmiem kien qed joqrob. (Mattew 24:37-​39) Iktar minn hekk, fit-​2 Pietru 3:3, 4 l-​Bibbja tgħid li oħrajn kellhom iwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt u jgħidu li dawn l-​affarijiet ma jfissru xejn.

 Il-​profeziji kollha qed iseħħu. Ġesù qal li ħa nkunu nafu li qegħdin fl-​aħħar jiem meta l-​profeziji kollha jkunu qegħdin jiġru fl-​istess żmien.—Mattew 24:33.

Qegħdin ngħixu “fl-​aħħar jiem”?

 Iva. L-​aħħar jiem bdew fl-​1914, is-​sena li bdiet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Dan nafuh mill-​affarijiet li qed jiġru fid-​dinja u mill-​profeziji tal-​Bibbja. Ara dan il-​vidjow li juri li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem:

 Fl-​1914, is-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fis-​sema. Waħda mill-​affarijiet li għamlet kienet li keċċiet lil Satana u lid-​demonji mis-​sema. Dan ifisser li issa lid-​dinja biss setgħu jeffettwaw. (Rivelazzjoni 12:7-​12) L-​effett ikrah taʼ Satana fuq in-​nies huwa ovvju meta naraw l-​attitudni u l-​azzjonijiet ħżiena tagħhom. Mhux taʼ b’xejn qegħdin ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”—2 Timotju 3:1.

 Ħafna nies huma inkwetati meta jaraw dawn l-​affarijiet. Huma jibżgħu li n-​nies m’għadhomx jafu jgħixu flimkien. Xi nies anki qed jibżgħu li se neqirdu lil xulxin.

 Imma oħrajn li wkoll huma inkwetati b’dak li qed jiġri fid-​dinja, għandhom tama għall-​futur. Huma konvinti li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se tagħmel xi ħaġa u tneħħi dawn il-​problemi li hawn fid-​dinja. (Danjel 2:44; Rivelazzjoni 21:3, 4) Bil-​paċenzja qed jistennew lil Alla jagħmel dak li wegħedna. Ukoll, jiġu inkuraġġiti mill-​kliem taʼ Ġesù: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.”—Mattew 24:13; Mikea 7:7.