Mur fil-kontenut

X’inhi l-miġja taʼ Kristu?

X’inhi l-miġja taʼ Kristu?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

 L-​Iskrittura kemm-​il darba tirreferi għal żmien fil-​futur meta Kristu se jiġi biex jiġġudika lin-​nies tad-​dinja. a Pereżempju, Mattew 25:31-​33 jgħid:

 “Meta Bin il-​bniedem [Ġesù Kristu] jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu. U l-​ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-​nies, wieħed mill-​ieħor, bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż. U jpoġġi lin-​nagħaġ fuq il-​lemin tiegħu u l-​mogħoż fuq ix-​xellug.”

 Dan iż-​żmien taʼ ġudizzju se jkun parti minn “tribulazzjoni kbira” li qatt ma kien hawn bħalha fl-​istorja tal-​bniedem. Din it-​tribulazzjoni se tilħaq il-​quċċata tagħha f’Armageddon. (Mattew 24:21; Rivelazzjoni 16:16) L-​għedewwa taʼ Kristu, li fit-​tixbiha tiegħu huma deskritti bħala mogħoż, se “jieħdu l-​kastig ġudizzjarju taʼ qerda għal dejjem.” (2 Tessalonikin 1:9; Rivelazzjoni 19:11, 15) B’kuntrast, il-​qaddejja leali, in-​nagħaġ, se jkollhom it-​tama taʼ “ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:46.

Kristu meta se jiġi?

 Ġesù qal: “Imma dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd.” (Mattew 24:36, 42; 25:13) Però, hu ddeskriva “sinjal” viżibbli li jinvolvi diversi ġrajjiet u li kien se jidentifika ż-​żmien li jwassal għall-​miġja tiegħu.—Mattew 24:3, 7-​14; Luqa 21:10, 11.

Kristu ġej bħala spirtu jew b’ġisem uman?

 Ġesù ġie rxoxtat bħala spirtu, allura ġej bħala spirtu u mhux b’ġisem uman. (1 Korintin 15:45; 1 Pietru 3:18) Minħabba f’hekk, fil-​jum qabel ma miet, Ġesù setaʼ jgħid lill-​appostli: “Ftit ieħor u d-​dinja ma taranix iktar.”—Ġwanni 14:19.

Ideat żbaljati li huma komuni dwar il-​miġja taʼ Kristu

 Idea żbaljata: Meta l-​Bibbja tgħid li n-​nies se jaraw lil Ġesù “ġej fuq is-​sħab,” ifisser li Ġesù ġej b’mod viżibbli.—Mattew 24:30.

 Fatt: Il-​Bibbja spiss tassoċja s-​sħab maʼ xi ħaġa li ma tkunx tistaʼ taraha. (Levitiku 16:2; Numri 11:25; Dewteronomju 33:26) Pereżempju, Alla qal lil Mosè: “Niġi għandek fi sħaba sewda.” (Eżodu 19:9) Mosè ma rax lil Alla b’mod letterali. Bl-​istess mod, Kristu “ġej fuq is-​sħab” fis-​sens li n-​nies se jindunaw li jkun ġej minkejja li ma jkunux jistgħu jarawh b’mod letterali.

 Idea żbaljata: L-​espressjoni li tidher f’​Rivelazzjoni 1:7 meta titkellem dwar il-​miġja taʼ Kristu “kull għajn tarah,” għandha tinftiehem b’mod letterali.

 Fatt: Il-​kliem Grieg fil-​Bibbja għal “għajn” u “tara” kultant jintuża fis-​sens li tagħraf jew tifhem minflok ma jirreferi għall-​vista letterali. b (Mattew 13:15; Luqa 19:42; Rumani 15:21; Efesin 1:18) Il-​Bibbja tgħid li Ġesù rxoxtat hu l-​“wieħed . . . li jgħammar f’dawl li ma tistax tersaq lejh, li ebda bniedem ma . . . jistaʼ jara.” (1 Timotju 6:16) B’hekk, “kull għajn tarah” fis-​sens li n-​nies kollha se jindunaw li Ġesù hu l-​wieħed li se jġib il-​ġudizzju t’Alla.—Mattew 24:30.

 Idea żbaljata: Il-​kliem fit-​2 Ġwanni 7 juri li Ġesù ġej bħala bniedem.

 Fatt: Dak il-​vers tal-​Bibbja jgħid: “Fid-​dinja dehru ħafna qarriqin, nies li ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie bħala bniedem.”

 Fiż-​żmien l-​appostlu Ġwanni, xi wħud ċaħdu li Ġesù ġie fuq l-​art bħala bniedem. Huma kienu jissejħu l-​Injostiċi. It-​2 Ġwanni 7 nkiteb biex juri li dak li kienu qed isostnu kien falz.

a Għalkemm ħafna nies jużaw it-​termini “t-​tieni miġja” jew “it-​tieni avvent” biex jirreferu għal meta jasal Kristu, dawn it-​termini ma jidhrux fil-​Bibbja.

b Ara The New Thayer’s Greek-​English Lexicon of the New Testament (1981), paġni 451 u 470.