L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 14:1-31

  • Ġesù, l-unika triq li tressaqna lejn il-Missier (1-14)

    • “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja” (6)

  • Ġesù jwiegħed l-ispirtu qaddis (15-31)

    • “Il-Missier għandu awtorità iktar minni” (28)

14  “Tkunux ansjużi. Uru fidi f’Alla u fija wkoll.  Id-dar taʼ Missieri fiha ħafna postijiet fejn toqogħdu. Kieku ma kienx hekk ma kontx ngħidilkom dan. Jien sejjer biex inlestilkom post fejn toqogħdu.  Ukoll, wara li mmur u nlestilkom post fejn toqogħdu, nerġaʼ niġi u niħodkom miegħi ħalli tkunu fejn inkun jien.  U intom tafuha t-triq fejn sejjer.”  Tumas qallu: “Mulej, jekk lanqas nafu fejn int sejjer, kif nafu t-triq?”  Ġesù qallu: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jistaʼ jmur għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.  Jekk tafu lili, tafu wkoll lil Missieri. Minn issa intom se ssiru tafuh. Infatti, diġà rajtuh.”  Filippu qallu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”  Ġesù qallu: “Filippu, ili tant magħkom u għadek ma tafnix? Kull min ra lili ra lill-Missier ukoll. Allura kif qed tgħidli, ‘Urina l-Missier’? 10  Ma temminx li jien qiegħed mal-Missier u li l-Missier qiegħed miegħi? Dak li ngħidilkom mhuwiex skont dak li naħseb jien, imma l-Missier li jibqaʼ miegħi qed jagħmel dak li jrid permezz tiegħi. 11  Emmnu dak li qed ngħidilkom, li jien qiegħed mal-Missier u l-Missier qiegħed miegħi. Imma jekk ma temmnux minħabba dak li ngħid, emmnu minħabba dak li nagħmel. 12  Naċċertakom li kull min juri fidi fija, se jagħmel ukoll ix-xogħol li nagħmel jien. U se jagħmel iktar xogħol minni, għax jien sejjer għand il-Missier. 13  Ukoll, kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu, ħalli l-Missier jiġi mfaħħar permezz tiegħi, Ibnu. 14  Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jien nagħmilha. 15  “Jekk tħobbuni, tobdu dak li kkmandajtkom. 16  U jien nitlob lill-Missier u hu jagħtikom ajjutant* ieħor biex ikun magħkom għal dejjem, 17  jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċivih, għax la tarah u lanqas taf bih. Intom tafu bih għax qiegħed fikom u jibqaʼ magħkom. 18  Jien mhux se nħallikom waħedkom,* imma se nerġaʼ niġi magħkom. 19  Fi ftit żmien ieħor id-dinja mhux se tarani, imma intom se tarawni, għax jien ngħix u b’hekk intom se tgħixu. 20  Dakinhar intom se tkunu tafu li jien qiegħed maʼ Missieri, intom qegħdin miegħi, u jien qiegħed magħkom. 21  Kull min jaċċetta u jobdi dak li nikkmanda, iħobbni. U min iħobb lili, Missieri se jħobbu. Jien ukoll se nħobbu u nurih ċar min jien.” 22  Ġuda (mhux l-Iskarjota) qallu: “X’ġara Mulej biex beħsiebek turi min int b’mod ċar lilna u mhux lid-dinja?” 23  Ġesù wieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, se jobdi dak li ngħid, u Missieri jħobbu. Jien u Missieri mmorru għandu u noqogħdu miegħu. 24  Min ma jħobbnix ma jobdix dak li ngħid. Dak li ngħid mhux ġej mingħandi, imma mingħand il-Missier li bagħatni. 25  “Jien għedtilkom dan waqt li għadni magħkom. 26  Imma l-ajjutant, jiġifieri l-ispirtu qaddis, li l-Missier se jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom jien. 27  Jien se nkompli nagħtikom il-paċi li qed tgawdu miegħi bħalissa. Il-paċi li nagħtikom jien hi differenti minn dik tad-dinja. Tkunux ansjużi u tibżgħux. 28  Intom smajtuni ngħidilkom li se nitlaq u nerġaʼ niġi għandkom. Jekk tħobbuni, tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier għandu awtorità iktar minni.* 29  Qed ngħidilkom dan minn qabel ħalli meta jiġri, intom temmnu dak li għedt. 30  Jien mhux se nitkellem ħafna iktar magħkom, għax ġej il-mexxej taʼ din id-dinja. Hu ma jistaʼ jagħmilli xejn, 31  imma jien qed nagħmel bħalma kkmandani l-Missier, ħalli d-dinja tkun taf li jien inħobbu. Qumu, ejja nitilqu minn hawn.

Noti taʼ taħt

Jew “jagħtikom farraġ.”
Jew “bħall-orfni.”
Letteralment “hu akbar minni.”