Mur fil-kontenut

X’inhu d-dnub?

X’inhu d-dnub?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Id-dnub hu kull azzjoni, sentiment, jew ħsieb li jmur kontra l-livelli t’Alla. Dan jinkludi meta niksru l-liġijiet t’Alla billi nagħmlu dak li hu ħażin, jew mhux sewwa, f’għajnejn Alla. (1 Ġwanni 3:4; 5:17) Il-Bibbja turi wkoll li hu dnub jekk nonqsu li nagħmlu dak li hu sewwa.—Ġakbu 4:17.

 Fil-lingwi oriġinali tal-Bibbja, il-kliem għal dnub ifissru li “ma tolqotx il-mira.” Pereżempju, grupp taʼ suldati fl-Iżrael tal-qedem tant kienu tas-sengħa f’li jwaddbu l-ġebel bl-iżbandola li ‘ma kinux ifallu.’ Din l-espressjoni, jekk tiġi tradotta letteralment, tistaʼ tinqara ‘ma kinux jidinbu.’ (Imħallfin 20:16) B’hekk, li tidneb ifisser li ma tilħaqx il-livelli perfetti t’Alla.

 Bħala l-Ħallieq, Alla għandu d-dritt li jagħmel livelli għall-bnedmin. (Rivelazzjoni 4:11) Aħna rridu nagħtu kont lilu tal-azzjonijiet tagħna.—Rumani 14:12.

Huwa possibbli li qatt ma nidinbu?

 Le. Il-Bibbja tgħid li “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.” (Rumani 3:23; 1 Slaten 8:46; Ekkleżjasti 7:20; 1 Ġwanni 1:8) Għala jiġri hekk?

 L-ewwel bnedmin, Adam u Eva, għall-ewwel kienu bla dnub. Dan għax kienu maħluqin perfetti, fix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:27) Imma huma tilfu l-perfezzjoni tagħhom meta m’obdewx lil Alla. (Ġenesi 3:5, 6, 17-19) Meta kellhom it-tfal, huma wirtu dawn id-difetti, jiġifieri d-dnub u l-imperfezzjoni. (Rumani 5:12) Bħalma qal is-Sultan David tal-Iżrael, “Fl-iżball jien twilidt.”Salm 51:5.

Hemm xi dnubiet li huma iktar gravi minn oħrajn?

 Iva. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li n-nies f’Sodoma tal-qedem kienu “ħżiena u dinbu ħafna” u li d-dnub tagħhom kien “serju ħafna.” (Ġenesi 13:13; 18:20) Ara tliet affarijiet li minħabba fihom id-dnub ikun meqjus bħala li hu gravi.

  1.   Kemm hu serju d-dnub. Il-Bibbja twissina biex nevitaw dnubiet serji bħall-immoralità sesswali, l-idolatrija, is-serq, is-sokor, il-frodi, il-qtil, u l-ispiritiżmu. (1 Korintin 6:9-11; Rivelazzjoni 21:8) Il-Bibbja tagħmel differenza bejn dawn u bejn dnubiet li jsiru bla ħsieb u bla intenzjoni, bħal pereżempju kliem jew azzjonijiet li jweġġgħu lil oħrajn. (Proverbji 12:18; Efesin 4:31, 32) Minkejja dan, il-Bibbja ma tħeġġiġniex biex inċekknu xi dnubiet, ladarba dawn jistgħu jwasslu għal dnubiet iktar serji, bħal ksur tal-liġijiet t’Alla.—Mattew 5:27, 28.

  2.   Il-mottiv. Xi wħud jagħmlu dnubiet minħabba li ma jkunux jafu Alla x’jirrikjedi. (Atti 17:30; 1 Timotju 1:13) Filwaqt li ma tiskużax dnubiet bħal dawn, il-Bibbja tagħmel differenza bejnhom u bejn dnubiet li jsiru apposta biex jiksru l-liġijiet t’Alla. (Numri 15:30, 31) Dnubiet apposta jiġu minn ‘qalb ħażina.’—Ġeremija 16:12.

  3.   Kemm isir spiss. Il-Bibbja tagħmel differenza wkoll bejn xi ħadd li jagħmel dnub wieħed u bejn min jipprattika d-dnub fuq perijodu taʼ żmien. (1 Ġwanni 3:4-8) Dawk li ‘jipprattikaw id-dnub għax iridu,’ anki wara li jsiru jafu x’inhu tajjeb, se jirċievu l-ġudizzju t’Alla.—Ebrej 10:26, 27.

 Dawk li jagħmlu dnubiet serji jistgħu jħossuhom imtaqqlin ħafna minħabba l-iżbalji tagħhom. Pereżempju, is-Sultan David kiteb: “L-iżbalji tiegħi għolew ’il fuq minn rasi; bħal tagħbija tqila huma tqal wisq għalija.” (Salm 38:4) Madankollu, il-Bibbja tagħti din it-tama: “Ħalli l-ħażin jerħi triqtu, u dak li jagħmel il-ħsara jerħi ħsibijietu; u ħa jerġaʼ lura lejn Ġeħova, li jkollu ħniena minnu, u lejn Alla tagħna, għax hu jaħfer bil-kbir.”—Isaija 55:7.