Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jiċċelebrawx għeluq is-snin?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jiċċelebrawx għeluq is-snin?

 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova ma niċċelebrawx għeluq is-​snin, dan għax nemmnu li dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet ma jogħġbux lil Alla. Għalkemm il-​Bibbja ma tipprojbixxix b’mod speċifiku ċ-​ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-​snin, din tgħinna nirraġunaw fuq fatti importanti dwar din iċ-​ċelebrazzjoni u tgħinna nifhmu x’inhi l-​ħarsa t’Alla lejha. Ikkunsidra erbgħa minn dawn il-​fatti u l-​prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu magħhom.

  1.   Iċ-​ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-​snin għandhom oriġini pagana. Skont Funk & Wagnalls Standard Dictionary of Folklore, Mythology, and Legend, dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet oriġinaw mit-​twemmin li f’għeluq is-​snin taʼ persuna, “spirti u influwenzi mill-​agħar ikollhom l-​opportunità li jattakkaw il-​persuna” imma “l-​preżenza tal-​ħbieb u l-​awguri taʼ xewqat sbieħ jgħinu biex jipproteġuha.” Il-​ktieb The Lore of Birthdays jgħid li fi żmien il-​qedem, ir-​rekords taʼ għeluq is-​snin kienu “essenzjali għall-​oroskopju” li kien ibbażat fuq “ix-​xjenza sopranaturali tal-​astroloġija.” Dan il-​ktieb ikompli jgħid li “ħafna nies jemmnu li x-​xemgħat li jintużaw f’għeluq is-​snin għandhom qawwa maġika biex jaqtgħu x-​xewqat.”

     Madankollu, il-​Bibbja tikkundanna l-​użu tal-​maġija, it-​teħbir, l-​ispiritiżmu, jew affarijiet bħal dawn. (Dewteronomju 18:14; Galatin 5:19-​21) Fil-​fatt, raġuni waħda għala Alla kkundanna l-​belt tal-​qedem taʼ Babilonja kienet għax l-​abitanti tagħha pprattikaw l-​astroloġija, li hi tip taʼ teħbir. (Isaija 47:11-​15) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova ma noqogħdux inqattgħu ħafna ħin biex naraw l-​oriġini taʼ kull drawwa; però, meta l-​Bibbja tagħti direzzjoni ċara, ma ninjorawhiex.

  2.   Il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux jiċċelebraw għeluq is-​snin. The World Book Encyclopedia tgħid li huma “kienu jqisu ċ-​ċelebrazzjoni taʼ jum it-​twelid taʼ persuna bħala drawwa pagana.” Il-​Bibbja turi li l-​appostli u oħrajn li ġew mgħallmin direttament minn Ġesù ħallew eżempju li għandhom isegwuh il-​Kristjani kollha.—2 Tessalonikin 3:6.

  3.   L-​unika ċelebrazzjoni li l-​Kristjani huma obbligati li jiċċelebraw hija l-​mewt taʼ Ġesù, u mhux it-​twelid tiegħu. (Luqa 22:17-​20) Dan m’għandux jissorprendina, għax il-​Bibbja tgħid li “jum il-​mewt aħjar minn jum it-​twelid.” (Ekkleżjasti 7:1) Sal-​aħħar jum taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù kien għamel isem tajjeb m’Alla, u b’hekk il-​jum li fih miet sar iktar importanti mill-​jum li twieled fih.—Ebrej 1:4.

  4.   Il-​Bibbja qatt ma tgħid li xi qaddej t’Alla ċċelebra għeluq sninu. Dan mhux għax tħalla barra bi żball, infatti fil-​Bibbja jissemmew żewġ ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-​snin li saru minn uħud li ma kinux jaqdu lil Alla. Madankollu, iż-​żewġ ġrajjiet huma preżentati b’mod negattiv.—Ġenesi 40:20-​22; Marku 6:21-​29.

It-​tfal tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jħossuhom imċaħħdin għax ma jiċċelebrawx għeluq sninhom?

 Bħall-​ġenituri tajbin kollha, ix-​Xhieda juru li jħobbu lil uliedhom is-​sena kollha, u dan jagħmluh anki billi jagħtuhom rigali u jagħmlu xi party. Huma jipprovaw isegwu l-​eżempju perfett t’Alla, li jagħti affarijiet tajbin lil uliedu. (Mattew 7:11) It-​tfal tax-​Xhieda ma jħossuhomx imċaħħdin, bħalma juru dawn il-​kummenti:

  •   “Iktar nieħu pjaċir naqlaʼ rigal meta ma nkunx qed nistennieh.”​—Tammy, 12-​il sena.

  •   “Għalkemm ma naqlax rigali f’għeluq snini, il-​ġenituri tiegħi xorta jixtruli rigali f’okkażjonijiet oħra. Dan jogħġobni għax tkun sorpriża.”​—Gregory, 11-​il sena.

  •   “Taħseb li għaxar minuti, kejk, u kanzunetta jagħmlu party? Trid tiġi d-​dar tiegħi ħalli tkun taf x’inhu party taʼ veru!”​—Eric, 6 snin.