Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala Ma Jiċċelebrawx Xi Festi?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Għala Ma Jiċċelebrawx Xi Festi?

 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif jiddeċiedu jekk għandhomx jiċċelebraw xi festa?

 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova l-​ewwel jaraw x’tgħid il-​Bibbja qabel ma jiddeċiedu jekk jiċċelebrawx xi festa. Ħafna festi u ċelebrazzjonijiet imorru kontra dak li tgħid il-​Bibbja. Festi bħal dawn, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem fihom. Dwar festi oħrajn, kull Xhud taʼ Ġeħova jrid jiddeċiedi għalih stess, u jrid joqgħod attent li ‘la joffendi lil Alla u lanqas lill-​bnedmin.’​—Atti 24:16.

 Dawn huma xi mistoqsijiet li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jsaqsu lilhom infushom qabel jiddeċiedu jekk jiċċelebrawx xi festa. a

  •   Din il-​festa tmur kontra dak li tgħallem il-​Bibbja?

     X’tgħid il-​Bibbja: “‘Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif.’”​—2 Korintin 6:​15-​17.

     Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jevitaw tagħlim li mhux nadif, jiġifieri li jmur kontra l-​Bibbja. B’hekk, huma ma jiċċelebrawx festi li fihom dawn l-​affarijiet.

     Festi li ġejjin minn tagħlim t’allat oħra jew li jqimu allat oħra. Ġesù qal: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.” (Mattew 4:​10) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jobdu dak li qal Ġesù u allura ma jiċċelebrawx il-​Milied, l-​Għid, u l-​festa tal-​Ewwel taʼ Mejju, b għax dawn il-​festi ġejjin minn qima lil allat oħra mhux lil Ġeħova. U huma lanqas ma jieħdu sehem fil-​festi li ġejjin.

    •  Kwanzaa. L-​isem Kwanzaa “ġej mill-​kliem bis-​Swaħili matunda ya kwanza, li jfisser ‘l-​ewwel frott,ʼ u dan juri li din il-​festa ġejja mill-​ewwel ċelebrazzjonijiet tal-​ħsad li kienu rekordjati fl-​istorja Afrikana.” (Encyclopedia of Black Studies) Għalkemm xi nies ma jaħsbux li Kwanzaa hi ċelebrazzjoni reliġjuża, l-​Encyclopedia of African Religion tqabbilha ma’ festa Afrikana tal-​ħsad. F’din iċ-​ċelebrazzjoni, in-​nies kienu jagħmlu “offerti lill-​allat u lin-​nies li mietu biex jirringrazzjawhom. Kwanzaa, li hi festa fl-​Amerika li ġejja mill-​Afrika, hija bbażata fuq dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet.”

      Kwanzaa

    •  L-​Ewwel tas-​Sena. Dwar minn fejn bdiet din iċ-​ċelebrazzjoni, il-​World Book Encyclopedia jgħid: “Il-​mexxej Ruman Ġulju Ċesari fis-​46 QK (qabel Kristu) għażel l-​ewwel taʼ Jannar bħala l-​festa tal-​ewwel tas-​sena. Ir-​Rumani kienu ddedikaw din il-​ġurnata għall-​alla Ġanu.”

    •  Thanksgiving. Bħal Kwanzaa, din il-​festa ġejja minn ċelebrazzjonijiet tal-​ħsad li kienu jsiru fl-​antik biex iqimu allat differenti. Maż-​żmien, “dawn id-​drawwiet antiki daħlu fil-​knisja Kristjana.”​—A Great and Godly Adventure​—The Pilgrims and the Myth of the First Thanksgiving.

     Festi li ġejjin mis-​superstizzjoni jew mix-​xorti (luck). Il-​Bibbja tgħid li ‘dawk li qed ipoġġu mal-​mejda tal-​alla tal-​Fortuna huma dawk li qed jitilqu lil Ġeħova.’ (Isaija 65:11) Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx il-​festi li ġejjin:

    •  Ivan Kupala. Il-​ktieb The A to Z of Belarus jgħid: “In-​nies jgħidu li fil-​ġurnata taʼ [Ivan Kupala], in-​natura tagħti ħafna qawwa maġika, u jekk int kuraġġuż u xortik tajba tistaʼ tieħu ftit minn dik il-​qawwa.” Din il-​festa ġejja minn festa pagana li kienet tiġi ċċelebrata fl-​itwal ġurnata bid-​dawl tax-​xemx. Din kienet tiġi ċċelebrata f’Ġunju. Imma l-​Encyclopedia of Contemporary Russian Culture tgħid: “Wara li l-​pagani saru Kristjani, din il-​festa pagana saret parti mill-​festa tal-​Knisja għal Ġwanni l-​Battista.”

    •  Is-​Sena l-​Ġdida Lunari (Chinese New Year jew Korean New Year). Il-​ktieb Mooncakes and Hungry Ghosts​—Festivals of China jgħid: “Matul dan iż-​żmien, l-​iżjed ħaġa importanti għan-​nies hi li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jirrispettaw l-​allat u l-​ispirti ħalli jkollhom xorti tajba matul is-​sena.” Bl-​istess mod, fil-​Korean New Year, in-​nies “iqimu lil dawk li mietu biex ikeċċu l-​ispirti ħżiena. B’hekk, jagħmlu ċert li fis-​sena l-​ġdida jkollhom xorti tajba, u permezz tal-​ispirti jipprovaw jaraw x’se jiġri fis-​sena li ġejja.”​—Encyclopedia of New Year’s Holidays Worldwide.

      Chinese New Year

     Festi li ġejjin mill-​idea li r-​ruħ ma tmutx. Il-​Bibbja tagħmilha ċara li r-​ruħ tmut. (Eżekjel 18:4) Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx il-​festi li ġejjin, għax dawn jgħallmu li r-​ruħ ma tmutx:

    •  Jum il-​Mejtin (L-​Għid tal-​Erwieħ). Skont in-​New Catholic Encyclopedia, “din hija ġurnata fejn in-​nies jiftakru lill-​mejtin kollha. Minn madwar is-​sena 500 sa madwar l-​1500 WK (wara Kristu), ħafna nies kienu jemmnu li r-​ruħ kienet tkun fil-​purgatorju. F’din il-​ġurnata, ir-​ruħ kienet tidher bħala fatat (ghost), saħħar, żrinġ, jew affarijiet oħra lin-​nies li kienu ttrattawha ħażin.”

    •  Chuseok. Il-​ktieb The Korean Tradition of Religion, Society, and Ethics jgħid li f’din il-​festa “n-​nies joffru ikel u nbid għall-​erwieħ li mietu.” In-​nies jagħmlu hekk għax jemmnu li r-​ruħ tibqaʼ teżisti wara li jmut il-​ġisem.

     Festi li għandhom x’jaqsmu mal-​okkult. Il-​Bibbja tgħid li xi ħadd “li jeħber, li jagħmel il-​maġija, li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur, xi saħħar, xi ħadd li jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor, li jikkonsulta maʼ medjum tal-​ispirti jew maʼ min jaqra x-​xorti, jew li jistħarreġ dwar il-​mejtin. . . . ikun moqżież għal Ġeħova.” (Dewteronomju 18:10-​12) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx festi li jkollhom x’jaqsmu mal-​okkult, li jinkludi l-​astroloġija, bħall-​Halloween u l-​festi li ġejjin:

    •  Sinhala u Tamil New Year. “It-​tradizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-​festa . . . jinkludu li tagħmel affarijiet f’ħin partikulari li l-​astrologi jgħidu li se jġib xorti tajba.”​—Encyclopedia of Sri Lanka.

    •  Songkran. L-​isem taʼ din il-​festa mill-​Asja ġej mill-​kelma Sanskrit . . . li tfisser ‘moviment’ jew ‘bidla.’ Din il-​festa tirrappreżenta lix-​xemx timxi fil-​kostellazzjoni taż-​żodjaku tal-​Arjes.”​—Food, Feasts, and Faith​—An Encyclopedia of Food Culture in World Religions.

     Festi li kellhom jiċċelebraw taħt il-​Liġi li Alla ta lil Mosè, imma li spiċċaw mas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. Il-​Bibbja tgħid: “Kristu hu t-​tmiem tal-​Liġi.” (Rumani 10:4) Il-​prinċipji li hemm fil-​Liġi Mosajka li Alla kien ta lill-​Iżraelin xorta għadhom jgħinu lill-​Kristjani. Imma huma ma jiċċelebrawx il-​festi taʼ din il-​liġi, speċjalment il-​festi li kienu juru li ġej il-​Messija, għax il-​Kristjani jemmnu li diġà ġie. Il-​Bibbja qalet: “Dawn l-​affarijiet huma dell taʼ dak li għandu jiġi, imma r-​realtà hi tal-​Kristu.” (Kolossin 2:​17) Peress li dawn il-​festi m’għadhomx jgħoddu u n-​nies daħħlu drawwiet li jmorru kontra l-​Bibbja, il-​festi li ġejjin huma xi ftit li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx:

    •  Ħanukkah. Din il-​festa tfakkar meta l-​Lhud reġgħu ddedikaw it-​tempju f’Ġerusalemm. Imma l-​Bibbja tgħid li Ġesù sar il-​Qassis il-​Kbir taʼ “tinda [jew tempju] li hi akbar u iktar perfetta u mhux magħmula bl-​idejn, jiġifieri, mhux taʼ dan il-​ħolqien.” (Ebrej 9:​11) Għall-​Kristjani, dan it-​tempju spiritwali jieħu post it-​tempju li kien mibni f’Ġerusalemm.

    •  Rox Ħaxanah. Din hija l-​ewwel ġurnata tas-​sena Lhudija. Fiż-​żmien l-​Iżraelin, dawn il-​festi kien fihom sagrifiċċji speċjali offruti lil Alla. (Numri 29:​1-​6) Imma, Ġesù Kristu, bħala l-​Messija, ‘temm is-​sagrifiċċju u l-​offerta li ssir bħala għotja.’ B’hekk, dawn m’għadhomx jgħoddu f’għajnejn Alla.​—Danjel 9:​26, 27.

  •   Tħallat il-​festa tagħlim minn reliġjonijiet differenti?

     X’tgħid il-​Bibbja: “X’sehem għandu min hu leali maʼ min ma jemminx? U xi ftehim għandu t-​tempju t’Alla maʼ l-​idoli?”​—2 Korintin 6:​15-​17.

     Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu minn kollox biex jgħixu fil-​paċi man-​nies u jirrispettaw id-​dritt tagħhom li jagħżlu x’jemmnu. Imma huma ma jiċċelebrawx festi li fihom twemmin minn reliġjonijiet differenti.

     Ċelebrazzjonijiet li jinkuraġġixxu nies minn reliġjonijiet differenti biex jingħaqdu flimkien f’dak li jemmnu. Meta n-​nies t’Alla daħlu f’art ġdida fejn in-​nies t’hemm kellhom reliġjonijiet oħra, Alla qal: “M’għandkomx tagħmlu patt magħhom jew m’allathom. . . . Jekk tqimu l-​allat tagħhom, dan żgur isir nassa għalikom.” (Eżodu 23:32, 33) Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem f’festi bħal dawn li ġejjin:

    •  Loy Krathong. F’din il-​festa fit-​Tajlandja, “in-​nies jagħmlu dgħajjes magħmulin minn weraq, fihom ipoġġu xemgħat jew inċens, u mbagħad jitilquhom fl-​ilma. Huma jemmnu li dawn id-​dgħajjes żgħar jieħdu magħhom ix-​xorti ħażina (bad luck). Il-​Budda ħalla eżempju qaddis u din il-​festa tiċċelebra dan.”​—Encyclopedia of Buddhism.

    •  Jum Nazzjonali taʼ Ndiema (National Repentance Day). Uffiċjal tal-​gvern f’Papua New Guinea qal hekk fil-​gazzetta The National: “Dawk li jieħdu sehem f’din il-​festa jaqblu mat-​tagħlim bażiku tal-​Kristjani.” Hu qal ukoll: “Meta jiġi ċċelebrat il-​Jum Nazzjonali taʼ Ndiema, kulħadd jiftakar fil-​prinċipji Kristjani.”

    •  Vesak. “Din hija l-​iżjed ġurnata qaddisa mill-​ġranet qaddisin kollha tal-​Buddisti. Huma jiċċelebraw it-​twelid tal-​Budda, meta laħaq l-​ogħla post spiritwali (Nirvana), u l-​mewt tiegħu.”​—Holidays, Festivals, and Celebrations of the World Dictionary.

      Vesak

     Festi li huma bbażati fuq tradizzjonijiet reliġjużi li l-​Bibbja ma tgħallimhomx. Ġesù lill-​mexxejja reliġjużi qalilhom: “Il-​kelma t’Alla ġibtuha fix-​xejn minħabba t-​tradizzjoni tagħkom.” Hu qalilhom ukoll li l-​qima tagħhom kienet għalxejn għax “jgħallmu bħala duttrini l-​kmandi tal-​bnedmin.” (Mattew 15:​6, 9) Peress li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu l-​kliem taʼ Ġesù bis-​serjetà, hemm ħafna festi reliġjużi li huma ma jiċċelebrawx. Dawn huma xi ftit minnhom:

    •  L-​Epifanija (It-​Tliet Slaten Maġi, it-​Tre Re, Timkat, jew Los Reyes Magos). F’din il-​festa jiċċelebraw jew l-​astrologi li żaru lil Ġesù jew il-​magħmudija taʼ Ġesù. F’din il-​festa “qabbdu xi festi pagani tar-​rebbiegħa u għamluhom Kristjani. Qabel dawn il-​festi kienu jonoraw lill-​allat tax-​xmajjar.” (The Christmas Encyclopedia) Festa oħra li tixbahha, Timkat, ukoll ġejja minn tradizzjonijiet.​—Encyclopedia of Society and Culture in the Ancient World.

    •  Il-​Festa taʼ Santa Marija. (Il-​Festa tal-​Assunta) Din il-​festa tiċċelebra t-​twemmin li omm Ġesù telgħet is-​sema bir-​ruħ u l-​ġisem. Religion and Society​—Encyclopedia of Fundamentalism tgħid: “Il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux jemmnu hekk, u l-​Bibbja ma ssemmi xejn dwar dan.”

    •  Il-​Festa tal-​Immakulata Kunċizzjoni. “Id-​duttrina tal-​Immakulata Kunċizzjoni hi twemmin li l-​verġni Marija kienet meħlusa mid-​dnub oriġinali sa mill-​bidu nett taʼ ħajjitha.” Dan hu tagħlim tal-​Knisja.​—New Catholic Encyclopedia.

    •  Ir-​Randan. Skont in-​New Catholic Encyclopedia, ir-​Randan hu perijodu meta n-​nies jiċċaħħdu minn xi affarijiet u jsumu. Din id-​drawwa bdiet fir-​rabaʼ seklu, 200 sena wara li tlestiet il-​Bibbja. Dwar l-​ewwel ġurnata tar-​Randan, l-​Encyclopedia tgħid: “F’Ras ir-​Randan, il-​qassisin jagħmlu salib fuq moħħ in-​nies bl-​irmied. Dan biex ifakkarhom li jridu jindmu. Din id-​drawwa saret parti mill-​Knisja Kattolika fl-​1091.”

  •   Il-​festa tagħti importanza żejda lil xi persuna, organizzazzjoni, jew simbolu tal-​pajjiż?

     X’tgħid il-​Bibbja: “Hekk qal Ġeħova: ‘Misħut ir-​raġel b’saħħtu li jafda fil-​bnedmin u jittama fid-​driegħ tal-​laħam, u li qalbu titbiegħed minn Ġeħova.’”​—Ġeremija 17:5.

     Għalkemm ix-​Xhieda taʼ Ġeħova japprezzaw dak li jagħmlu oħrajn u anki jitolbu għalihom, huma ma jiħdux sehem fit-​tip taʼ festi li ġejjin:

     Festi li jagħtu importanza lill-​mexxejja jew nies importanti. Il-​Bibbja tgħid: “Għall-​ġid tagħkom stess, itilquh lill-​bniedem, li nifsu qiegħed fi mnifsejh, għax għalfejn għandu jiġi kunsidrat?” (Isaija 2:​22) Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx birthdays, lanqas jekk ikun tar-​re jew tar-​reġina.

     Ċelebrazzjonijiet tal-​bandiera nazzjonali. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx Flag Day. Għala? Għax il-​Bibbja tgħid: “Ħarsu ruħkom mill-​idoli.” (1 Ġwanni 5:​21) Xi nies ma jaħsbux li l-​bandiera hija idolu, jiġifieri oġġett li tqimu. Imma l-​istudjuż Carlton J. H. Hayes kiteb: “Il-​bandiera hija l-​iżjed simbolu importanti għall-​qima tan-​nazzjonaliżmu.”

     Festi għall-​qaddisin. X’ġara meta raġel niżel għarkopptejh quddiem l-​appostlu Pietru? Il-​Bibbja tgħid: “Pietru qajmu u qallu: ‘Qum; jien bniedem ukoll.’” (Atti 10:25, 26) Pietru u l-​appostli l-​oħra m’aċċettawx tifħir speċjali. Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem fil-​festi tal-​qaddisin, bħall-​festi li ġejjin:

    •  Il-​Festa tal-​Qaddisin Kollha. “Din hija festa għall-​qaddisin kollha . . . Ħadd ma jaf eżatt minn fejn bdiet.”​—New Catholic Encyclopedia.

    •  Il-​Festa tal-​Verġni Marija taʼ Guadeloupe. Din il-​festa tfaħħar lill-​qaddisa li tipproteġi l-​Messiku. Ħafna jemmnu li din hi Marija, omm Ġesù, u li fl-​1531, dehret lil bidwi fqir.​—The Greenwood Encyclopedia of Latino Literature.

      Il-​Festa tal-​Verġni Marija taʼ Guadeloupe

     Ċelebrazzjonijiet politiċi jew soċjali. Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar tistkenn f’Ġeħova milli tafda fil-​bniedem.” (Salm 118:​8, 9) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx il-​Jum Dinji taż-​Żgħażagħ u Jum il-​Mara għax huma jridu juru li jafdaw f’Alla biex isolvi l-​problemi li hawn fid-​dinja u mhux fin-​nies. Għall-​istess raġuni huma ma jiħdux sehem f’Emancipation Day jew ċelebrazzjonijiet simili. Minflok, huma jemmnu li s-​Saltna t’Alla se tagħmel ċert li kulħadd jiġi trattat l-​istess u se ssolvi l-​problema tar-​razziżmu.​—Rumani 2:​11; 8:​21.

  •   Il-​festa tagħmel pajjiż jew grupp taʼ nies iżjed importanti minn ieħor?

     X’tgħid il-​Bibbja: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”​—Atti 10:34, 35.

     Għalkemm ħafna Xhieda taʼ Ġeħova jħobbu pajjiżhom, huma jevitaw festi li jagħmlu pajjiż jew grupp taʼ nies iżjed importanti.

     Festi li jagħtu importanza lill-​armata. Ġesù ma inkuraġġiex il-​gwerer, imma minflok lid-​dixxipli tiegħu qalilhom: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:​44) Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem f’ċelebrazzjonijiet li jfaħħru lis-​suldati, bħall-​festi li ġejjin:

    •  Anzac Day. “Anzac tfisser is-​suldati tal-​armati tal-​Awstralja u n-​New Zealand.” Din il-​ġurnata bil-​mod il-​mod spiċċat ġurnata biex jiftakru lil dawk li mietu fil-​gwerra.”​—Historical Dictionary of Australia.

    •  Jum it-​Tifkira (Remembrance Day jew Poppy Day). Dawn il-​festi jfaħħru “lis-​suldati tal-​armati u dawk li mietu fil-​gwerer.”​—Encyclopædia Britannica.

     Festi tal-​indipendenza jew taʼ ġranet importanti fl-​istorja tal-​pajjiż. Ġesù qal hekk dwar id-​dixxipli tiegħu: “M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġwanni 17:16) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jitgħallmu dwar l-​istorja tal-​pajjiż, imma huma ma jiħdux sehem f’festi bħal dawn li ġejjin:

    •  Jum l-​Awstralja. Skont il-​Worldmark Encyclopedia of Cultures and Daily Life, din il-​festa tfakkar il-​ġurnata meta fl-​1788 is-​suldati Ingliżi għollew il-​bandiera tagħhom u ddikjaraw l-​Awstralja bħala kolonja ġdida.

    •  Guy Fawkes Day. Din il-​ġurnata hi festa nazzjonali biex tfakkar meta Guy Fawkes u Kattoliċi oħra ma rnexxilhomx joqtlu lir-​Re James I u lil membri oħra tal-​Parlament Ingliż fl-​1605.”​—A Dictionary of English Folklore.

    •  Jum l-​Indipendenza. F’ħafna pajjiżi, din hija ġurnata fejn in-​nies jiċċelebraw l-​indipendenza tal-​pajjiż tagħhom minn pajjiż ieħor.​—Merriam-​Webster’s Unabridged Dictionary.

  •   Kif iġibu ruħhom in-​nies f’din il-​festa?

     X’tgħid il-​Bibbja: “Għax iż-​żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu r-​rieda tal-​ġnus meta wettaqtu għemejjel taʼ kondotta laxka, passjonijiet, xorb żejjed taʼ nbid, xalar, imħatri min jixrob l-​iktar, u idolatriji kontra l-​liġi.”—1 Pietru 4:3.

     Biex jobdu dan il-​prinċipju tal-​Bibbja, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jevitaw ċelebrazzjonijiet li fihom in-​nies jixorbu u jixxalaw iżżejjed. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiltaqgħu mal-​ħbieb tagħhom u jekk jixtiequ anki jieħdu drink b’moderazzjoni. Huma jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jobdu dan il-​parir tal-​Bibbja: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”​—1 Korintin 10:31.

     Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux sehem fil-​karnival jew festi simili fejn in-​nies iġibu ruħhom kontra dak li tgħid il-​Bibbja. Dan jinkludi wkoll il-​festa tal-​Lhud Purim. Qabel, Purim kienu jiċċelebrawha biex tfakkarhom meta l-​Lhud inħelsu fil-​ħames seklu QK. Imma issa ġiet qisha “l-​verżjoni Lhudija tal-​Mardi Gras jew tal-​Karnival,” jgħid il-​ktieb Essential Judaism. “F’din il-​festa, normalment l-​irġiel jilbsu taʼ nisa, kulħadd jagħmel li jrid, jixorbu żżejjed, u jagħmlu ħafna storbju.”

 Peress li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx xi festi, xorta jħobbuhom lil tal-​familja?

 Iva. Il-​Bibbja tgħallem li anki jekk tal-​familja jemmnu differenti minna xorta għandna nħobbuhom u nirrispettawhom. (1 Pietru 3:​1, 2, 7) Huwa normali meta wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieqaf jieħu sehem f’xi festi, tal-​familja jħossuhom imweġġgħin, imdejqin, jew abbandunati. Għalhekk, ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu ċert li lil tal-​familja juruhom li jħobbuhom, b’rispett jispjegawlhom ir-​raġuni għad-​deċiżjonijiet tagħhom, u jżuruhom f’okkażjonijiet oħra.

 Peress li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx xi festi, jgħidu lil oħrajn biex ma jiċċelebrawhomx?

 Le. Huma jemmnu li kulħadd irid jiddeċiedi għalih stess. (Ġożwè 24:15) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrispettaw lil kulħadd, hu x’inhu dak li jemmnu.​—1 Pietru 2:​17.

a Dan l-​artiklu ma jsemmix il-​festi kollha li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx u lanqas ma jsemmi l-​prinċipji kollha mill-​Bibbja li jgħinuna niddeċiedu.

b F’ħafna pajjiżi, l-​Ewwel taʼ Mejju hu magħruf bħala Jum il-​Ħaddiem. Imma din il-​festa ġejja minn żmien ir-​Rumani, li kienu jqimu l-​alla tar-​rebbiegħa u tal-​fjuri. Tistaʼ taqra iżjed dwar din il-​festa fl-​artiklu May Day—What Does It Mean To You fl-​iStenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 t’April 2005, paġni 12-​14.