L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 3:1-36

  • Ġesù u Nikodemu (1-21)

    • Twelid mill-ġdid (3-8)

    • Alla ħabb lid-dinja (16)

  • L-aħħar xhieda taʼ Ġwanni dwar Ġesù (22-30)

  • Dak li jiġi minn fuq (31-36)

3  Issa kien hemm Fariżew jismu Nikodemu, li kien mexxej tal-Lhud.  Dan mar għand Ġesù billejl u qallu: “Rabbi,* aħna nafu li Alla bagħtek bħala għalliem, għax ħadd ma jistaʼ jagħmel dawn il-mirakli li qed tagħmel int kieku Alla ma jkunx miegħu.”  Ġesù wieġbu: “Naċċertak li jekk xi ħadd ma jerġax jitwieled mill-ġdid,* hu ma jistax ikun parti mis-Saltna t’Alla.”*  Nikodemu qallu: “Kif jistaʼ raġel jitwieled meta jkun xjaħ? Ħadd ma jistaʼ jerġaʼ jidħol f’żaqq ommu u jitwieled, hux hekk?”  Ġesù wieġbu: “Naċċertak li jekk xi ħadd ma jitgħammidx bl-ilma u ma jirċivix l-ispirtu t’Alla u jitwieled,* ma jistax ikun parti mis-Saltna t’Alla.  Dawk li jitwieldu mill-bnedmin huma tal-art, imma dawk li jintgħażlu mill-ispirtu qaddis huma tas-sema.  Tistagħġibx għax għedtlek li għandkom terġgħu titwieldu.  Ir-riħ jonfoħ fejn irid, u int tismaʼ l-ħoss tiegħu, imma ma tkunx taf minn fejn ġej u fejn sejjer. B’mod simili, int ma tistax tifhem kif xi ħadd jitwieled mill-ispirtu.”  Nikodemu wieġbu: “Kif jistaʼ jkun dan?” 10  Ġesù qallu: “Int għalliem f’Iżrael u ma tafx dawn l-affarijiet? 11  Naċċertak li aħna nitkellmu dwar dak li nafu u nagħtu xhieda dwar dak li rajna, imma intom ma taċċettawx ix-xhieda li nagħtu. 12  Jekk kellimtkom dwar l-affarijiet li huma fuq l-art u intom xorta m’emmintunix, kif se temmnuni meta nkellimkom dwar l-affarijiet li huma fis-sema? 13  Iktar minn hekk, ebda bniedem ma kien* fis-sema ħlief jien, Bin il-bniedem, li nżilt mis-sema. 14  U bħalma Mosè għolla s-serp fid-deżert, jien, Bin il-bniedem, se nitgħolla min-nies 15  biex kull min jemmen fija jkun jistaʼ jgħix għal dejjem. 16  “Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben* tiegħu, biex kull min juri fidi fija ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem. 17  Għax Alla ma bagħatx lili, Ibnu, fid-dinja biex niġġudika d-dinja, imma biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħi. 18  Kull min juri fidi fija mhux se jiġi ġġudikat, imma kull min ma jurix fidi diġà ġie ġġudikat, għax ma jkunx wera fidi f’ismi, l-uniku Iben* t’Alla. 19  Id-dawl ġie fid-dinja, imma minflok ma ħabbew id-dawl, in-nies ħabbew id-dlam, għax huma jagħmlu l-ħażin. Hu għalhekk li se jiġu kkundannati. 20  Għax dak li jagħmel il-ħażin jobgħod id-dawl u ma jmurx fih, ħalli d-dawl ma jkunx jistaʼ jikxef il-ħażen li qed jagħmel. 21  Imma kull min jagħmel dak li hu tajjeb imur fid-dawl, ħalli kulma jagħmel ikun jidher ċar li hu fi qbil maʼ dak li jrid Alla.” 22  Wara, Ġesù u d-dixxipli tiegħu marru fil-kampanja tal-Lhudija. Hemmhekk hu qattaʼ l-ħin magħhom u għammed lin-nies. 23  Imma anki Ġwanni kien qed jgħammed. Hu kien qiegħed f’Għajnun qrib Salim fejn kien hemm għadira kbira. In-nies baqgħu jmorru jitgħammdu għandu, 24  għax kien għadu ma ġiex mitfugħ il-ħabs. 25  Id-dixxipli taʼ Ġwanni kellhom argument maʼ Lhudi dwar kif ikunu nodfa f’għajnejn Alla.* 26  Wara, huma marru għand Ġwanni u qalulu: “Rabbi, ir-raġel li kien miegħek in-naħa l-oħra tal-Ġordan, li int tajt xhieda dwaru, qiegħed jgħammed lin-nies. Kulħadd qed imur għandu.” 27  Ġwanni wieġeb: “Bniedem ma jistaʼ jkollu xejn jekk ma jirċivihx mingħand Alla. 28  Intom stess xhieda li jien għedt, ‘M’iniex il-Kristu, imma jien intbgħatt qablu.’ 29  L-għarusa hi tal-għarus. Imma l-ħabib tal-għarus, meta joqgħod ħdejh u jisimgħu jitkellem, ikun ferħan ħafna. Bl-istess mod, jien vera ferħan. 30  Id-dixxipli tiegħu se jkomplu jiżdiedu, imma tiegħi jonqsu.” 31  Dak li jiġi minn fuq hu fuq kulħadd. Dak li jiġi mill-art jitkellem dwar affarijiet li huma fuq l-art, għax hu mill-art ġej. Dak li jiġi mis-sema hu fuq kulħadd. 32  Hu jagħti xhieda dwar dak li ra u semaʼ, imma ħadd ma jaċċetta dak li jgħid. 33  Kull min aċċetta dak li qal jemmen b’qalbu kollha* li Alla hu veru. 34  Għax dak li ntbagħat minn Alla jgħid il-kliem t’Alla, għax Hu jagħti l-ispirtu qaddis b’mod ġeneruż. 35  Il-Missier iħobbu lill-Iben u ħalla kollox f’idejh. 36  Min juri fidi fl-Iben ikollu l-ħajja taʼ dejjem, imma min ma jobdix lill-Iben mhux se jkollu l-ħajja taʼ dejjem u Alla se jibqaʼ rrabjat miegħu.

Noti taʼ taħt

Jew “Għalliem.”
Jew forsi “jitwieled mis-sema.”
Jew “mill-Gvern (mit-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “ma jitwilidx mill-ilma u mill-ispirtu.”
Letteralment “ma tela’.”
Jew “l-Iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
Jew “l-Iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
Jew “dwar il-purifikazzjoni.”
Letteralment “ittimbra b’siġill.”