Mur fil-kontenut

Għala Seħħ l-Olokawst? Alla Għala Ma Waqqfux?

Għala Seħħ l-Olokawst? Alla Għala Ma Waqqfux?

 Ħafna li jistaqsu dawn il-mistoqsijiet sofrew telf personali kbir u mhux biss qed ifittxu tweġibiet imma wkoll faraġ. Oħrajn iħarsu lejn l-Olokawst bħala l-agħar ħażen li jistaʼ jasal fih il-bniedem, u jsibuha diffiċli biex jemmnu f’Alla.

Ideat żbaljati komuni dwar Alla u l-Olokawst

 Ħrafa: Mhux tajjeb li tistaqsi għala Alla ppermetta l-Olokawst.

 Fatt: Nies taʼ fidi kbira staqsew għala Alla jippermetti l-ħażen. Pereżempju, il-profeta Ħabakkuk staqsa lil Alla: “Għala tippermetti li l-vjolenza, il-ksur tal-liġi, il-kriminalità, u l-moħqrija jinfirxu maʼ kullimkien?” (Ħabakkuk 1:3, Contemporary English Version) Minflok ma ċanfar lil Ħabakkuk, Alla għamel ċert li l-mistoqsijiet li hu staqsa ġew imniżżlin fil-Bibbja biex jaqrahom kulħadd.

 Ħrafa: Alla ma jimpurtahx mit-tbatija tal-bniedem.

 Fatt: Alla jobgħod il-ħażen u t-tbatija li jġib miegħu. (Proverbji 6:16-19) Lura fi żmien Noè, Alla “ħassu mweġġaʼ f’qalbu” minħabba l-vjolenza li kienet qed tinfirex fid-dinja. (Ġenesi 6:5, 6) Bla dubju, Alla ħass ukoll uġigħ tremend minħabba l-Olokawst.—Malakija 3:6.

 Ħrafa: L-Olokawst kien il-kastig t’Alla lil-Lhud.

 Fatt: Alla veru li ppermetta li Ġerusalemm tinqered mir-Rumani fl-ewwel seklu. (Mattew 23:37–24:2) Però, minn dak iż-żmien ’l hawn, Alla ma għażel ebda grupp etniku għal favur jew kastig partikulari. Fil-ħarsa t’Alla, “m’hemmx differenza bejn il-Lhud u l-Ġentili.”—Rumani 10:12, Good News Translation.

 Ħrafa: Kieku jeżisti Alla taʼ mħabba u li jistaʼ kollox, ma kienx jippermetti l-Olokawst.

 Fatt: Għalkemm Alla qatt ma jikkaġuna t-tbatija, kultant jippermettiha temporanjament.—Ġakbu 1:13; 5:11.

Alla għala ppermetta l-Olokawst?

 Alla ppermetta l-Olokawst għall-istess raġuni li ppermetta t-tbatija fost l-umanità: biex jissetilja kwistjoni morali li qamet snin ilu. Il-Bibbja turi ċar li fil-preżent, huwa x-Xitan, u mhux Alla, li jaħkem id-dinja. (Luqa 4:1, 2, 6; Ġwanni 12:31) Filwaqt li l-artiklu konness maʼ dan is-suġġett jipprovdi diskussjoni sħiħa dwar għala Alla jippermetti t-tbatija, żewġ fatti prinċipali mill-Bibbja jgħinu biex jiġi spjegat għala Alla ppermetta l-Olokawst.

  1.   Min hu responsabbli għall-Olokawst? Alla qal lil Adam u ’l Eva, l-ewwel bnedmin, x’kien qed jistenna minnhom, imma ma ġegħelhomx jobdu. Huma għażlu li jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb jew ħażin, u l-għażla ħażina tagħhom—u għażliet simili minn ħafna nies fl-istorja—ġabet konsegwenzi koroh fuq l-umanità. (Ġenesi 2:17; 3:6; Rumani 5:12) Hu eżattament kif jgħid il-ktieb Statement of Principles of Conservative Judaism: “Ħafna mit-tbatija fid-dinja tirriżulta direttament mill-użu ħażin tal-libertà tal-għażla mogħtija lilna.” Minflok ma ħadilna l-libertà tal-għażla, Alla ta ż-żmien lill-bniedem biex jipprova jimmaniġġa l-affarijiet mingħajru.

  2.   Alla jistaʼ jreġġaʼ lura l-ħsara li ġab l-Olokawst, u hekk se jagħmel. Alla jwiegħed li se jirxoxta lill-miljuni li mietu, inkluż il-vittmi tal-Olokawst. Hu se jelimina wkoll l-uġigħ minħabba l-memorji tal-biżaʼ li għandhom dawk li għaddew mill-Olokawst. (Isaija 65:17; Atti 24:15) L-imħabba li Alla għandu għall-bniedem tiggarantixxi li hu se jwettaq dawn il-wegħdi.—Ġwanni 3:16.

 Ħafna vittmi u oħrajn li baqgħu ħajjin wara l-Olokawst żammew il-fidi tagħhom soda u sabu skop fil-ħajja billi fehmu għala Alla ppermetta l-ħażen u kif biħsiebu jreġġaʼ lura l-effetti tiegħu.